Riforma fil-Kumitati tal-Bord u tat-Tmexxija tal-Grupp APS

Aps-Bank

Read in English.

Bħala parti mill-impenn tal-Bank APS li jaħdem bl-ogħla standards ta’ governanza korporattiva u li jkompli jsostni l-kultura u l-valuri tal-Bank, il-Bord tad-Diretturi għadu kif irreveda l-istruttura tal-Kumitati tal-Bord u tat-Tmexxija skont l-aħjar prattiċi attwali.

Dak li qabel kien il-Kumitat tal-Governanza u Kondotta  issa ġie maqsum fi tnejn. Din hi l-ewwel darba li bank Malti kellu Kumitat ESG. Dan il-Kumitat jagħti tifsira u valur lill-aspetti Ambjentali, ta’ Governanza u Soċjali li llum huma minn ta’ fuq fl-aġenda tar-regolaturi finanzjarji kif ukoll tal-banek. Il-Kumitat tal-Kondotta se jiffoka fuq kwestjonijiet regolatorji, ta’ integrità u ta’ kondotta, inkluża s-sorveljanza fuq il-provvista trasparenti ta’ prodotti u servizzi u fuq il-protezzjoni tal-konsumatur. Anke l-mandat tal-Kumitat tan-Nominazzjonijiet u r-Remunerazzjoni ġie aġġornat. U saru wkoll bidliet fil-kompożizzjoni ta’ parti kbira mill-Kumitati tal-Bord u tat-Tmexxija, hekk li dawn il-korpi  issa jgawdu minn doża akbar ta’ għarfien, esperjenza u diversità.

L-infografika li tidher hawn taħt turi l-istruttura tal-governanza korporattiva tal-Kumitati li jieħdu ħsieb rispettivament is-sorveljanza u s-sostenn tat-tim tat-Tmexxija.

Frederick Mifsud Bonnici, iċ-Chairman tal-Bank APS, qal hekk: “L-enfasi tagħna biex inkunu bank sostenibbli fit-tul issa wassalna biex noħolqu Kumitat ESG iffokat biex jisħaq fuq dan is-suġġett aktar minn qatt qabel. Il-preżenza ta’ timijiet u kumitati dedikati għal aspetti partikolari hija parti essenzjali mill-istrateġija ta’ sostenibilità  li tinsab fil-qalb ta’ dan il-Bank.”