“Riforma fil-Copyright għall-ħarsien tal-konsumatur u s-settur kreattiv”

Bi 23 vot favur u tnejn kontra, il-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew approva l-implimentazzjoni tar-rapport dwar id-Direttiva tal-Copyright.
Ir-rapport tfassal mill-membru tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew Julia Reda u Therese Comodini Cachia kienet Shadow Rapporteur.
Reda fasslet ir-rapport li għandu jservi biex il-Parlament ifassal liġijiet ġodda b’mod speċjali dwar il-geo-blocking.
Dan għaliex nofs il-persuni Ewropej ma jistgħux jużaw servizzi ta’ streaming onlajn offruti f’pajjiżhom stess meta jkunu fuq btala f’pajjiż ieħor Ewropew u dan minħabba l-geo-blocking li jsir mill-kumpaniji minħabba l-copyright.
Therese Comodini Cachia qalet li hawn bżonn ta’ riforma fuq livell Ewropew f’dan is-settur sabiex il-liġijiet Ewropej jirriflettu l-użu tat-teknoloġija moderna, il-ħtieġa tas-soċjetà u l-bżonnijiet tal-konsumaturi li jagħmlu użu mis-servizzi diġitali, jaraw films u jisimgħu il-mużika onlajn kuljum.
Comodini Cachia qalet li r-riforma fil-copyright trid tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp tat-teknoloġija u ssaħħaħ il-legalità għas-settur kreattiv.
Il-membri tal-Parlament Ewoprew issa se jivvutaw fuq l-implimentazzjoni tar-rapport waqt is-sessjoni plenarja x-xahar id-dieħel.
Il-Kummissjoni Ewropea tinsab impenjata li jkun hawn tibdil fil-liġijiet Eworpej li jsaħħu l-użu diġitali u jikkumplimentaw s-suq wieħed Ewropew.
F’Mejju, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li tindirizza l-geo-blocking u l-effett tiegħu fil-kummerċ elettroniku madwar l-Unjoni Ewropea.
Il-proposti l-ġodda għar-riforma se jitħabbru f’Ottubru li ġej.