Riflessi fi knisja fil-Belt Valletta

Riflessi huwa isem ta’ kunċert sagru għaż-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li se jsir b’risq il-missjoni u li qed jiġi organizzat mis-Soċjetà Filarmonika Pinto, Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi.
Din is-sena, fl-okkażjoni tal-155 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà, il-kunċert se jsir fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, jew kif inhi aktar magħrufa Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta.
Waqt il-kunċert se jindaqqu fost l-isbaħ siltiet mużikali addattati għal dawn iż-żminijiet, kif ukoll marċi funebri, kemm ġodda u anki oħrajn mir-repertorju vast ta’ marċi funebri tas-soċjetà.
Il-banda se tkun taħt id-Direzzjoni tas-Surmast Direttur Dominic Darmanin.
Se jsiru wkoll riflessjonijiet dwar il-missjoni, filwaqt li se jinġabru donazzjonijiet b’risq il-Mission Fund.
Il-kunċert se jsir fit-8 ta’ April u jibda fis-7.15pm.
Id-dħul huwa b’xejn.