Rifjutata applikazzjoni għal żvilupp ta’ 2 sulari f’Wied Għomor

Read in English.

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni ta’ żvilupp li riedet tibdel propjetà mitluqa fi propjetà residenzjali lussuża, li tagħmel ma’ Wied Għomor fil-limiti tas-Swieqi.

Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar qalet li qablet mar-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Ippjanar li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex li turi li l-użu residenzjali tal-bini oriġinali kien stabbilit legalment u kopert mill-permess għall-iżvilupp.

Issoktat tgħid li l-binja proposta fuq żewġ sulari b’żona taħt l-art taqbeż il-kobor totali li kellu l-bini preċedenti, li kellu biss sular wieħed. Apparti dan, il-Kummissjoni qieset il-fatt li li kieku jiġi approvat, l-iżvilupp ikollu impatt viżiv negattiv, f’żona ta’ importanza ekoloġika.

Ix-xogħlijiet proposti kellhom jinkludu wkoll pixxina.

Kemm il-Kunsill Lokali tas-Swieqi, kif ukoll l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) oġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp.

F’Marzu tal-2015, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġà rrifjutat permess għall-iżvilupp fl-istess sit.