“Ried iħammiġli ismi biex jagħmilli l-ħsara” – Scicluna

Read in English.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil baqa’ jżomm ma’ dak li kiteb fuq Twitter fuq il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’Lulju li għadda. Scicluna kien sab dan il-messaġġ dwaru “inveritier u malafamanti” u f’affidavit iffirmata minnu ppreżentata fil-qorti llum, qal li Busuttil għamel dawn il-kummenti apposta biex iħammiġlu ismu u jagħmillu l-ħsara.

Busuttil xehed f’każ ta’ libell li fetaħ kontrih il-Ministru Scicluna. Mitlub biex jispjega x’ried jgħid bil-kitba tiegħu, Busuttil qal li kien qed jikkummenta fuq artiklu li deher f’gazzetta lokali fuq digriet li ħarġet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, meta laqgħet l-applikazzjoni tal-għaqda Repubblika biex issir inkjesta dwar il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare, biex tistabbilixxi kienx hemm kompliċità kriminali mill-Ministru Scicluna, mill-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Ministru Chris Cardona fit-trasferiment tal-Isptar San Luqa, Karin Grech u tal-isptarijiet t’Għawdex.

Busuttil spjega x’ried jgħid fit-tweet u saħaq fil-qorti li minn meta twassal id-digriet, Malta ma setgħetx taffordja li jkollha Ministru tal-Finanzi involut f’xi ħaġa bħal din. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista qal li Scicluna għandu jirriżenja tal-anqas sakemm jitnaddaf ismu. Qal li li jkun hemm Ministru għall-Finanzi fil-Eurozone implikat f’inkjesta kriminali huwa biżżejjed f’livell politiku.

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-kummenti tiegħu kienu irraġonevoli, inġustifikabbli u mhux meritati, Busuttil wieġeb le. Żied jgħid li Scicluna qed jimbarazza lil Malta. Iddistingwa, iżda, l-arena politika u dik ġudizzjarja. Qal li kliemu kien ġej minn xi ħadd fl-arena politika u mkien ma kien qed jgħid hu li Scicluna huwa ħati.

L-użu tal-kelma “Eurozone” bil-hashtag ingħad fil-qorti li ntużat apposta minn Busuttil biex iħammeġ ir-reputazzjoni tal-Ministru mal-ministri l-oħra tal-Eurozone fi żmien “delikat” meta Scicluna seta’ nħatar Kummissarju Ewropew. F’affidavit li tressqet fis-smigħ tal-lum, Scicluna qal li Busuttil ried jagħmillu l-ikbar ħsara possibbli intenzjonalment.

Fl-affidavit, Scicluna qal ukoll li kliem Busuttil, “embroiled in a money-laundering investigation” jindikaw l-intenzjoni “malizzjuża” ta’ Busuttil, peress li skont Scicluna, Busuttil jaf li Scicluna mhux jiġi investigat fuq akkużi ta’ illegalità. Skontu, Busuttil kien jaf li hu qatt ma ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-VGH jew wettaq pagamenti diretti.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ f’Marzu.