Ried ibigħ il-karozza tiegħu biex isalva lill-kelb

Randy Etter minn Indianapolis tant iħobb lil Gemini kelb tiegħu li meta l-annimal kellu bżonn operazzjoni biex isalva u r-raġel ma kellux flus, poġġa l-karozza tiegħu għall-bejgħ biex iħallas għall-intervent tal-vet.

Ir-raġel jgħid li jħobb lil Gemini aktar minn kull ħaġa li hawn fid-dinja. Randy rabba lill-kelb minn mindu kellu ftit xhur u hemm rabta kbira bejniethom. Dejjem kien hu li ħa ħsiebu: jagħtih jiekol, jaħslu u jara li Gemini ma jkun jonqsu xejn.

Il-gost ta’ Randy din is-sena kien meta jara lit-tifla tas-sieħeb tiegħu titfa’ flixkun tal-plastik ’il bogħod bil-kelb imur jiġri, jaqbdu u jagħtihulha lura. Randy kien jaqbad il-flixkun, jaħslu u jerġa’ jagħtih liċ-ċkejkna.

Jum minnhom matul il-lejl il-kelb deher ħażin ħafna u beda jirremetti. Ir-raġel l-għada filgħodu beda jiġri bih minn vet għal vet biex jara x’kellu. Għamel ġurnata jiġri bih u spiċċa li tkeċċa mix-xogħol minħabba f’hekk. Imma Randy ma nkwetax għax aktar kien jinkwieta għall-kelb Gemini.

Fl-aħħar wieħed mill-vets ħa x-ray lill-kelb u nstab li kien bela’ t-tapp tal-flixkun tal-plastik. Qalulu li l-operazzjoni kienet se tiġi tiswa $4,500, flus li s-sid tal-kelb ma kellux. Sħabu qalulu li bejniethom setgħu jiġbru $2,000. Imma din is-somma ma kinitx biżżejjed. Ir-raġel ra li biex idaħħal il-flus għall-operazzjoni kellu jbigħ il-karozza. Fil-fatt għamel avviż online fejn qal għaliex kien se jbigħ il-karozza.

Inzerta li l-avviz rawh tal-organizzazzjoni għall-annimali S.O.A.R (Street Outreach Animal Response) li l-appell tiegħu laqathom fil-laħam il-ħaj. Għamlu ġabra bejn il-membri u malajr ġabru $3,000. B’hekk Randy kellu flus biżżejjed biex mhux biss setgħet saret l-operazzjoni b’suċċess imma wkoll li ma biegħx il-karozza.

Wara l-operazzjoni tal-kelb Randy qal li l-kelb hu kollox għalih. Hu l-akbar ħabib tiegħu li dejjem tah wens.

“Ridt impattilu ta’ kemm sibtu meta kelli bżonnu biex jagħmilni ferħan,” temm jgħid Randy, jgħannaq lil Gemini.