Ried bilfors jgħaddi mit-triq u ħallas qares

Anzjan spiċċa bil-karozza mimlija siment wara argument li seħħ dalgħodu f’Tas-Sliema.
Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-argument beda meta anzjan ta’ 65 sena ried jgħaddi bilfors minn triq li fiha kien qed isir xi xogħol ta’ kostruzzjoni.
Jidher li l-anzjan kellu xi jgħid mal-ħaddiema li kienu fuq il-post.
Għalkemm l-anzjan qed jiċħad, jidher li kien hu li saq għal fuqhom u qaleb il-konkos għal fuq il-vettura tiegħu stess.
Min-naħa tiegħu l-anzjan qed jallega li kienu l-ħaddiema li tefgħu l-konkos fuq il-karozza tiegħu.
Fuq il-post issejħu l-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.