Richard Gere se jsir missier ta’ 70 sena

L-attur ta’ 70 sena Richard Gere u martu Alejandra Silva ta’ 36 sena se jkunu qed jerġgħu jsiru ġenituri wara li kmieni din is-sena kellhom tifel.

Gere u Silva ma tantx iħobbu jitkellmu dwar il-ħajja personali tagħhom għalkemm qed jiġi rrappurtat li l-mara għandha aktar minn tliet xhur tqala.

Qed jingħad li Silva se tkun qed twelled it-tarbija qabel ir-Rebbiegħa tas-sena d-dieħla.

Għalkemm din se tkun it-tieni tarbija tagħhom flimkien, kemm Gere u martu Silva għandhom aktar ulied.

Gere fil-fatt huwa missier Homer ta’ 19-il sena li twieled miż-żmien li hu kien miżżewwġ lil Carey Lowell filwaqt li Silva għandha lil Albert ta’ sitt snin miż-żwieġ tagħha ma’ Govind Friedland.

Gere u Silva bdew joħorġu flimkien fl-2014 u żżewġu fl-2018.

“Inħossni l-aktar mara xxurtjata fid-dinja,” kienet ġiet ikkowtata li qalet hi wara ċ-ċerimonja.