Riċerkaturi Maltin issa jistgħu jibbenefikaw minn boroż ta’ studju fl-Istitut Universitarju Ewropew

Riċerkaturi Maltin issa jistgħu jibbenefikaw minn boroż ta’ studju akkademiċi offruti mill-Gvern biex iwettqu riċerka ta’ dottorat u post-dottorat fl-Istitut Universitarju Ewropew ta’ fama f’Firenze.

Malta għalqet sena bħala membru li tikkontribwixxi fl-EUI wara deċiżjoni meħuda fl-2018 mill-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Barranin u mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jiġu provduti boroż ta’ studju għal studenti Maltin.

Fl-istitut, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ltaqa’ mal-ewwel riċerkatur Malti Matthias Ebejer magħżul mill-bord tal-EUI biex isegwi grad ta’ dottorat. Il-Ministru Abela feraħ lis-Sur Ebejer fil-bidu tal-vjaġġ ta’ studju ta’ erba’ snin tiegħu u assigurah l-appoġġ kollu mill-Ambaxxata ta’ Malta għal Ruma u l-Konsulat ta’ Malta f’Firenze. Ir-riċerka dottorali tas-Sur Ebejer se tkun appoġġata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Il-Ministru appella lir-riċerkaturi Maltin biex iħarsu lejn is-Sur Ebejer bħala sors ta’ ispirazzjoni u jiġu mħeġġa jsegwu triq simili f’istitut li jipprovdi prospetti eċċezzjonali ta’ karriera. L-ambjent distint tal-EUI joffri taħriġ akkademiku uniku, tarrikkixxi l-esperjenza intellettwali u jipprovdi opportunitajiet eċċezzjonali għall-akkademiċi Maltin minn dixxiplini u fruntieri, qal il-Ministru Abela.