Riċerkaturi jsibu li l-immunità kontra l-Covid-19 iddum biss ftit xhur

Studju ġdid minn King’s College ta’ Londra sab li l-immunitá għall-Covid-19 f’pazjenti li fiequ mill-marda tista’ sservi biss għal ftit xhur, u l-persuna tista’ terġa’ timrad biha.

Riċerkaturi fi ħdan King’s College f’Londra sabu li l-antibodies li l-ġisem jiġġenera kontra l-Covid-19 jilħqu l-milja tagħhom sa tliet ġimgħat wara pazjent ikun fieq, imbagħad is-sistema immunitarja reġgħet bdiet tmajna.

Dan l-istudju mill-qrib fuq sistemi immunitarji sar fuq 90 persuna, kemm pazjenti kif ukoll ħaddiema tas-saħħa, li kienu mardu u fiequ mill-Covid-19 fir-Renju Unit.

It-testijiet tad-demm li ġew studjati f’din ir-riċerka wrew li f’60% tal-pazjenti l-antibodies kellhom livell l-iktar b’saħħtu fl-agħar mumenti li l-ġisem kien qed jiġġieled il-marda. Madanakollu, 17% tal-pazjenti biss kellhom l-istess ammont ta’ antibodies sa tliet xhur wara li fiequ.

L-istudju sab li l-antibodies naqsu b’23 darba tal-ammont  oriġinali, filwaqt li f’oħrajn ma nstab assolutament xejn sa tliet xhur wara li dawn fiequ mill-Covid-19.

Dr Katie Doores, li qed tmexxi din ir-riċerka, qalet mal-midja internazzjonali li l-maġġoranza tal-pazjenti qed jipproduċu ammont raġonevoli ta’ antibodies biex ġisimhom ifieq meta jkunu morda. Madanakollu s-sistema’ immunitarja qed tmajna drastikament wara perjodu qasir minn meta dawn ikunu fiequ.

Hija qalet li dan l-istudju qed juri kif l-infezzjoni qed tagħti stampa ċara ta’ kemm l-antibodies kontra l-Covid-19 se jdumu fil-ġisem, anke jekk dawn ikunu trasmetti minn vaċċin u mhux iġġenerati mill-ġisem stess minħabba l-marda.