Riċerkaturi jaħsbu li jafu għalfejn kienu sparixxew eluf ta’ nies minn Malta

Google Maps

Tim ta’ riċerkaturi jemmen li skopra r-raġuni għalfejn eluf ta’ nies li kienu jgħixu Malta fi żmien it-tempji megalitiċi sparixxew.

It-tim kien immexxi mill-Professur Caroline Malone minn Queen’s University f’Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq. Hi xtaqet tiskopri kif l-ekoloġija ta’ Malta kienet tgħajjex lin-nies għal tul ta’ żmien u kif fl-aħħar falla kollox.

Skont artiklu ppublikat reċentament f’Horizon, rivista Ewropea dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, ġew żvelati misteri marbutin ma’ ċivilizzazzjoni antika li għexet għal aktar minn millenju fuq Malta. Iċ-ċivilizzazzjoni mbagħad sfaxxat fix-xejn f’żewġ ġenerazzjonijiet. Il-misteri ġew żvelati grazzi għax-xogħol ta’ arkeoloġisti li analizzaw il-polline (pollen) fl-art u DNA antika mill-għadam tar-ras u għadam ieħor.

Instab li l’hekk imsejħa Temple Culture ta’ Malta bdiet madwar 6,000 sena ilu. Fl-eqqel tagħha, aktarx kien hemm eluf ta’ nies. Dawn in-nies bnew tempji elaborati bħal dak tal-Ġgantija. Però, wara 1,500 sena sparixxew.

Caroline Malone mexxiet il-proġett Fragsus li uża għoddod differenti biex jislet ir-risposti li kien qed ifittex. Ix-xjentisti ħaffru cores li kienu jvarjaw minn 8 metri sa 30 metru taħt l-art. Kienu jagħmlu sediment dating permezz tal-carbon dating biex jagħżlu perjodu ta’ żmien minn ieħor.

Malone qalet li għalkemm jidher stramb, in-nies ta’ dak iż-żmien ma kienu jieklu kważi xejn ħut. Kienu jistinkaw biex iżommu l-għelieqi tagħhom b’ħamrija tajba. Kienu jbatu u allura kellhom bżonn xi ħaġa kbira biex iżżomm lill-komunità magħquda – it-tempji.

Minkejja s-saħħa tas-soċjetà, wara għadd ta’ sekli l-erożjoni tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet tal-klima qalbu għall-agħar. Kien hemm ukoll nuqqasijiet fid-dieta tan-nies. Bejn 2600 u 2400 qabel Kristu, nofs dawk li kienu qed imutu kienu tfal. L-immigrazzjoni wkoll setgħet kellha effett ta’ pressjoni fuq il-popolazzjoni.

Horizon

Skont Malone, inqalgħet katastrofi għas-sena 2350 qabel Kristu. Jidher li r-reġjun sofra minn attività katastrofika tal-klima – aktarx sħaba tat-trab minħabba vulkan li żbroffa.

Malone qalet li gżejjer jistgħu jintużaw bħala laboratorji biex wieħed jifhem aktar il-bidla fil-bqija tad-dinja.

B’kollox il-proġett ġie jiswa €2,491,768. Heritage Malta ħadet €124,159, l-Università ta’ Malta ħadet €332,359, u s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali ħadet €169,153.