Riċerka tissuġġerixxi li jieqfu l-brejks tas-sigaretti fl-isptar

Studju li sar fost il-ħaddiema ta’ Mater Dei qed jipproponi biex fl-isptar ma jkunx hemm żoni għal min ipejjep u wisq anqas il-ħaddiema jitħallew jieqfu mix-xogħol għal sigarett.
L-istudju, l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu, ġie ppubblikat fil-Malta Medical Journal u jitfa’ dawl fuq il-vizzju tat-tipjip fl-isptar ewlieni ta’ Malta.
Is-seba’ riċerkaturi huma tal-fehma li “l-fatt li min ipejjep jista’ jieqaf ta’ spiss mix-xogħol biex jieħu sigarett jista’ jservi ta’ deterrent għall-waqfien mit-tipjip”.
Qed jgħidu wkoll li dawn il-brejks għandhom jieqfu immedjatament għax qed jipprempjaw lil min ipejjep u mhux ġust fuq il-kollegi li ma jpejpux. 
L-istudju qed jitfa’ pressjoni fuq is-superjuri biex ikunu aktar retti mal-ħaddiema li jpejpu u jipprojbixxu għal dejjem il-brejks tas-sigaretti. 
Bħalissa f’Mater Dei hemm tliet postijiet riservati għal dawk li jpejpu waqt li l-istudju qed jipproponi li fl-isptar m’għandu jkun hemm ebda post riservat għat-tipjip. 
Mit-3,600 ħaddiem fl-isptar, 1,984 minnhom wieġbu l-mistoqsijiet u 25.4% minnhom qalu li jpejpu.  Mill-ħaddiema li jpejjpu, 27.1% huma rġiel u 24.8% huma nisa. 
Il-maġġoranza qalu li ma jpejpux aktar minn 20 sigarett kuljum. 
Irriżulta li 23% tal-infermiera jpejpu t-tabakk waqt li t-tobba li jpejpju ammontaw għal 10.4%.  
Ir-riċerkaturi jqajmu l-punt li hu inkwetati ħafna li l-aktar li jpejpu huma l-ħaddiema bejn it-18 u l-25 sena.  Dan għaliex fi kliemhom, in-nies ta’ dik l-età huma l-aktar li kienu esposti għall-kampanji fl-iskejjel kontra t-tabakk.
22.2% tan-nies li jpejpu qalu li jiddejqu jieħdu sigarett fl-isptar. 
Interessanti l-fatt li 25.7% ta’ dawk li xi darba kienu jpejpu qalu li ilhom ma jaqbdu sigarett jew tabakk ieħor għal aktar minn 10 snin u dan minħabba raġunijiet ta’ saħħa. 
Waħda mill-mistoqsijiet kienet dwar l-età ta’ meta bdew ipejpu.  50.2% qalu li bdew meta kellhom bejn 16 u 20 sena.  L-aktar raġunijiet komuni għaliex bdew ipejpu kienu: il-kurżità, l-istress, pressjoni mill-ħbieb u influwenza mill-familja. 
Ħafna mill-ħaddiema tal-isptar li jpejpu, qalu li l-aktar i jsibu diffiċli hi li jiċċaħħdu mill-ewwel sigarett li jieħdu kmieni filgħodu. 
L-Għaqda Dinija tas-Saħħa taħseb li aktar minn biljun persuna fid-dinja tpejjep it-tabakk.  Meta kkumparat mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej, Malta għandha l-ħames l-inqas rata ta’ tipjip. 
Ir-riċerka jisimha Barriers to implement a smoke free hospital. What action should be taken? u saret mid-Dipartment tal-Promozzjoni għas-Saħħa flimkien mat-tobba Joëlle Azzopardi, Sarah Degiovanni , Luisa Farrugia, Neville Calleja, Stephen Montefort.