Riċerka ppreżentata miż-żgħażagħ fosthom dwar l-istil ta’ ħajja

DOI: Kevin Abela

Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet annwali tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ bit-tema ‘Transforming Education’, ġiet ippreżentata riċerka minn Aġenzija Żgħażagħ li tagħti ħarsa lejn l-esperjenzi, l-aspettattivi u l-opinjonijiet taż-żgħażagħ dwar l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-istili ta’ ħajja. 

Ir-riżultati juru fost l-oħrajn li 80% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huma sodisfatti bl-edukazzjoni li jirċievu u bl-opportunitajiet varji li jsibu fl-impjieg tagħhom. Din ir-riċerka turi wkoll li 3 minn kull 4 żgħażagħ huma kuntenti bil-kwalità tal-ħajja u bl-imġiba soċjali pożittiva u kostruttiva f’Malta.

Il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ hu ċelebrazzjoni dinjija maħluqa mill-Ġnus Magħquda li jgħaqqad miljuni ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja permezz ta’ diversi attivitajiet u avvenimenti. Ir-riċerka saret mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li fiha pparteċipaw 511 żagħżugħ/a mill-faxxa tal-età bejn is-16 u t-30 sena. Waqt din l-attività attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima.