​Ricciardo rebbieħ f’Monaco

Daniel Ricciardo rebaħ l-ewwel Grand Prix tiegħu f’ Monaco minkejja li kellu problemi fil-magna wara t-28 dawra.
Din kienet it-tieni rebħa staġjonali għas-sewwieq Awstraljan ta’ Red Bull li ċċelebra billi xorob ix-xampanja miż-żarbuna li kien libes.
Sebastian Vettel ta’ Ferrari ġie fit-tieni post filwaqt li ċ-champion renjanti Lewis Hamilton, li ddeskriva din it-tellieqa bħala l-inqas waħda eċitanti li qatt saq fiha, spiċċa fit-tielet post.
Għalkemm il-vettura ta’ Ricciardo sofriet problemi mekkaniċi, hu rnexxielu jibqa’ fl-ewwel post u għamilha ferm diffiċli sabiex Vettel jaqbżu.
Is-sewwieq ta’ Red Bull issa jinsab fit-tielet post tal-klassifika ġenerali filwaqt li Vettel naqqas id-distakk minn ma’ Hamilton għal 14-il punt.