Aġġornata: L-Ukraina takkuża lir-ribelli li qed itellfu l-investigazzjoni

L-Ukraina qed takkuża lir-ribelli favur ir-Russja talli ppruvaw ineħħu l-evidenza ta’ “atti kriminali internazzjonali” fis-sit li fih twaqqa’ l-ajruplan tal-Malaysia Airlines. 

Dan minħabba li ribelli li jappoġġjaw lir-Russja, illimitaw l-aċċess lill-investigaturi għall-fdalijiet tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines li kkraxxja jumejn ilu fl-Ukraina. 
Kelliem uffiċjali għall-OSCE qal li l-aċċess għas-sit fejn hemm il-fdalijiet tal-ajruplan huwa kkontrollat minn għadd ta’ persuni armati, fejn anka kien hemm xi tiri ta’ twissija sparati fl-ajru.
Huwa maħsub li t-titjira MH17 ikkraxxjat wara li ntlaqtet minn missila li telqet mill-Lvant tal-Ukraina, miż-żona li hija kkontrollata mir-ribelli.
Il-298 persuna abbord l-ajruplan tilfu ħajjithom kollha.
L-ajruplan kien qed itir minn Amsterdam lejn Kuala Lumpur u ġġarraf fl-inħawi ta’ Donetsk.