Ribelli jirbħu lura belt Sirjana mill-ISIS

Mis-Sirja joħroġ xaqq ta’ tama hekk kif ir-ribelli rnexxielhom jirbħu lura belt żgħira mingħand il-militanti tal-Istat Iżlamiku.
Il-waqgħa ta’ al-Rai minn idejn l-Istat Iżlamiku hi rebħa żgħira li tgħolli l-moral tar-ribelli li qed ikomplu jippruvaw jirbħu l-belt prinċipali ta’ Aleppo li għadha maqsuma.
Din mhix l-ewwel aħbar simili fl-aħħar jiem hekk kif f’xi partijiet tas-Sirja qed isiru sforzi lejn in-normalità.
Anke l-Aġenzija Fides, fl-aħħar jiem, spjegat li rħula żgħar li raw il-popolazzjoni tagħhom taħrab mill-pajjiż qed jerġgħu jibdew jaraw xi wħud jirritornaw.
Min-naħa l-oħra, fl-aħħar sigħat sar magħruf li nhar it-Tnejn seħħ attakk minn militanti oħra fuq fabbrika qrib Damasku, u hemm mal-200 ruħ nieqsa.
Xi 140 ħaddiem irnexxielhom jaħarbu imma ħafna iktar ittieħdu ostaġġ. Għadu mhux magħruf min kien wara l-attakk.