Reveduti l-etajiet ta’ min jibbenefika mill-Home Help

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis ħabbar li ġiet reveduta l-età tal-eliġibbiltà għal dawk il-persuni li huma eliġibbli għas-servizz tal-Home Help. Dawk eliġibbli huma;

  • Anzjani li għandhom 65 sena jew aktar;
  • Persuni taħt il-65 sena li għandhom Karta tal-Identità Speċjali valida maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD);
  • Applikanti oħra li qed ibatu minn mard serju.

Dawk il-persuni li japplikaw għal dan is-servizz huma suġġett għall-assessjar minn professjonisti tal-kura sabiex ikun żgurat li s-servizz jingħata lil min veru għandu bżonn.

L-anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità jipprovdi s-servizz ta’ Home Help sabiex tingħata assistenza lill-anzjani u lil dawk il-persuni b’diżabilità. Il-fond allokat għal dan is-servizz huwa ta’ €2 miljun.

Is-servizz tal-Home Help jagħti sapport lill-benefiċċjarji sabiex ikomplu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti fil-komunità. Is-servizz jara wkoll li jipprovdi appoġġ lil persuni oħra li jkunu qed joffru kura jew assistenza b’mod informali.

Il-helpers jassistu lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità billi jagħmlu xogħol domestiku ħafif, xiri fil-viċinanzi u jħejju ikliet ħfief.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li persuni li għandhom ’il fuq minn 75 sena u jgħixu waħedhom se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn sagħtejn fil-ġimgħa servizz ta’ Home Help b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn li l-applikazzjonni tiġi kkunsidrata mill-Bord tal-Home Help.