Reuters nefqet €500,000 biex jinstab sid 17 Black – Iben Daphne

DCG Matthew Caruana Galizia
Matthew Caruana Galizia / Facebook

Il-kumpanija tal-media Thomson Reuters nefqet €500,000 fl-investigazzjoni sabiex jinkixef min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Dan qalu iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Matthew Caruana Galizia qal fuq Facebook illi li kieku ma kienx għall-ħidma ta’ Reuters u s-sors li ddeċieda li jitkellem, din l-informazzjoni kienet tibqa’ moħbija għal dejjem. Insista li dan ma kienx grazzi għall-ħidma tal-Gvern.

Din ir-reazzjoni ġiet wara l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista u wara l-istqarrijiet li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ.

Aqra: “Daphne nqatlet biex huma jeħilsu l-ħabs”

Aqra: Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Ilbieraħ filgħodu, ġie arrestat is-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu u jitkellem mal-ġurnalisti wara l-arrest, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li hu ta struzzjonijiet biex jiżdiedu “b’mod konsiderevoli” r-riżorsi sabiex tiġi konkluża l-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Bosta entitajiet u rappreżentanti tal-komunitajiet għajtu għar-riżenja ta’ dawk kollha li fil-passat b’xi mod jew ieħor kienu se jidħlu f’negozji illeċiti mal-istess Fenech. Huma talbu wkoll ir-riżenja tal-Prim Ministru nniffsu talli falla milli jkeċċihom mill-pożizzjonijiet tagħhom fil-Gvern.

Aqra: ‘Il-ħolqien tal-ġid isir fis-serenità u l-kalma’ – Owen Bonnici