Restrizzjonijiet ġodda mir-Renju Unit wara żidiet fil-każi ta’ Covid-19

FILE PHOTO: REUTERS/Michele Tantussi

Ir-Renju Unit, illum mistenni jħabbar iżjed regolamenti iebsin dwar ħruġ soċjali hekk kif il-Prim Ministru Boris Johnson qed jipprova jikkontrolla żieda ta’ infezzjonijiet ta’ COVID-19.

Il-Prim Ministru Johnson mistenni jħabbar li mill-14 ta’ Settembru mhux se jkunu jistgħu jiltaqgħu gruppi ta’ iżjed minn 6 minn nies u f’każ li dan jiġri, se jkun hemm multi.

L-għadd ta’ każijiet fir-Renju Unit beda jogħla f’dawn l-aħħar ġranet. Għalkemm qed isiru ferm iżjed testijiet u l-għadd ta’ nies rikoverati fl-isptarijiet huwa ferm inqas minn meta l-pandemija kienet fl-aqwa tagħha, l-awtoritajiet qed jibżgħu mill-eventwalità li jintilef il-kontroll ta’ din is-sitwazzjoni.

“Irridu nieħdu azzjoni minn issa biex inwaqqfu l-virus milli jinfirex,” Johnson mistenni jgħid. “Għalhekk qed nissimplifikaw u nsaħħu r-regolamenti dwar kuntatt soċjali – b’mod li n-nies tifhimhom aħjar u l-pulizija jkunu jistgħu jinfurzawhom b’mod iżjed faċli.”

Qabel, il-limitu ta’ nies li setgħu jiltaqgħu fi grupp kien ta’ mhux iżjed minn 30.