Restrizzjonijiet ġodda mill-gvernijiet Ewropej

Dan qed visir biex jikkontrollaw iż-żieda ta’ każijiet ta' covid-19

Roma-Lockdown

Numru ta’ Gvernijiet Ewropej imponew restrizzjonijiet ġodda biex jippruvaw jikkontrollaw ż-żieda mgħaġġla f’infezzjonijiet tal-coronavirus filwaqt li jipprovdu appoġġ ekonomiku biex in-negozji jibqgħu għaddejjin fi żmien il-pandemija.

Iżda l-ħidma għall-mexxejja dinjija biex isibu bilanċ bejn il-bżonn li titwaqqaf l-imxija tal-marda u l-limitazzjoni tad-dannu ekonomiku qegħda kull ma jmur issir aktar diffiċli. Dan filwaqt li t-tama tibqa’ tiddependi fuq vaċċin li għadu mhux ippruvat.

“Iż-żieda fil-każijiet hija waħda esponenzjali”, sostna l-Ministru tal-Ekonomija Ġermaniża Peter Altamaier waq konferenza ekonomika Ġermaniża-Franċiża f’Berlin. “Fil-Ġermanja, l-infezzjonijiet ġodda qed jiżddiedu b’70-75% meta mqabbla mal-ġimgħa ta’ qabel.”

Franza, il-Polonja, ir-Russja, l-Iżvezja u l-Istati Uniti fost l-oħrajn irreġistraw numru ta’ każijiet rekord fl-aħħar ġranet hekk kif aktar persuni qed jissoċjalizzaw fid-djar tagħhom fejn ir-riskju ta’ infezzjoni huwa akbar.

Aktar minn 43.4 miljun persuna kienu infettati bil-coroanvirus madwar id-dinja, li minnhom 1,158,056 tilfu ħajjithom. L-Istati Uniti għandha l-akbar numru ta’ infezzjonijiet u mwiet.