Restrizzjonijiet eħrex mistennija fi bliet Franċiżi

Franza Coronavirus
Youtube - France 24

Il-gvern Franċiż ħabbar li Lyon u Lille huma mpoġġija fuq livell għoli ta’ alert fid-dawl taż-żieda fil-każi ta’ Covid-19 li qed jesperjenzaw. 

B’dan il-pass, il-gvern Franċiż qed jipprepara biex jkunu implimentati miżuri restrittivi. Miżuri simili qed jiġu implimentati fil-bliet ta’ Pariġi u Marsilja. 

Ilbieraħ Franza rreġistrat rekord ta’ każi ġodda, 19,000. Il-President Macron, fid-dawl ta’ dan, wissa’ li ser jiġu introdotti miżuri prekawzjonali ġodda. 

Pajjiż ieħor li introduċa miżuri ġodda kien l-Italja, issa bilfors trid tilbes il-maskra meta tkun tinsab barra mid-dar – mossa maħsuba sabiex tkompli titrażżan il-pandemija tal-coronavirus.

Id-digriet, li kien approvat waqt laqgħa tal-kabinett wara li f’dawn l-aħħar xaharejn kien hemm żieda kostanti ta’ każijiet ġodda, mistenni jidħol fis-seħħ mill-Ħamis skond sorsi qrib il-gvern.

Għadd ta’ reġjuni fl-Italja fosthom il-Lazio, madwar il-kapitali Ruma, kienu diġa ddikkjaraw il-maskri bħala mandatorji.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li r-rata ta’ infezzjonijiet ta’ kuljum laħqet l-ogħla rata sa minn April li għadda. Ċifri maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa wrew li matul dawn l-aħħar 24 siegħa kienu rappurtati madwar 3,678 każ, meta mqabbla ma’ l-2,677 reġistrati nhar it-Tlieta li għaddew, ċifra li għall-ewwel darba sa mill-24 ta’ April, qabżet it-3,000.

Madanakollu, ir-rata ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum li qed tirreġistra l-Italja hija inqas minn pajjiżi kbar oħra fl-Ewropa fosthom Franza, Spanja u r-Renju Unit.

Sadattant, fl-Italja, it-test għall-COVID-19 se jsir mandatorju għal kull min se jkun dieħel fil-pajjiż mir-Renju Unit, l-Olanda, il-Belġju u r-Repubblika Ċeka qal il-Ministru tas-Saħħa Roberto Speranza nhar l-Erbgħa, hekk kif kien hemm tħassib dwar iż-żieda ta’ każijiet ġodda madwar l-Ewropa.

AKtar pajjiżi jiżdiedu fil-lista ta’ ttestjar mandatorju fl-Italja
L-Italja żżid aktar pajjiżi għal testijiet mandatorji