Ristorant fil-Birgu jżomm il-mejda għal Graziella u Fallon fl-Għid il-Kbir

Ristorant fil-Birgu ddeċieda li jżomm il-mejda li rriservaw Graziella u Fallon Mallia għall-ikla tal-Għid il-Kbir bħala memorja taż-żewġ nisa li tilfu ħajjithom f’inċident fatali l-ġimgħa li għaddiet.

Skont ritratt fuq Facebook imxerred mis-sagristan tal-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu, fuq il-mejda fir-ristorant tpoġġew fjuri, kif ukoll nota. In-nota tgħid li l-mejda nżammet għalihom hekk kif ta’ kull sena kienu jmorru jieklu l-ikla tagħhom tal-Għid il-Kbir f’dan ir-restorant.

Aqra: Graziella u Fallon Mallia – iż-żewġ nisa li tilfu ħajjithom fl-Imġarr

Iż-żewġ nisa li tilfu ħajjithom fl-inċident fatali li seħħ fl-Imġarr ġew identifikati bħala Graziella u Fallon Mallia, omm u bintha. Il-każ seħħ fl-14 t’April, bejn żewġ karozzi fi Triq l-Imġarr. Minbarra li sewa l-ħajja ta’ żewġ nisa, l-inċident kien ħalla tifel ta’ 12-il sena u mara anzjana jissieltu għal ħajjithom u ħames persuni midruba.

Waqt il-funeral tagħhom, Patri Joe Giuliano qal li propju dakinhar tal-inċident, Graziella u Fallon Mallia kienu sejrin lura d-dar wara li marru jaraw id-dram tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Imġarr. Il-funeral sar fis-17 t’April fit-8.30am fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħaż-Żabbar.

Aqra: Filmat: “Kienu sejrin lura d-dar wara d-dramm tal-Imġarr” – Patri Giuliano