Restawrata statwa tas-Seklu 17

Il-Familja Saliba kienet residenti f’dar mill-isbaħ tas-seklu 18 fil-qalba storika tar-raħal tal-Imqabba li llum hija okkupata mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba u kif ukoll l-Għassa tal-Pulizija. F’din id-dar, kien hemm niċċa li fiha kienet iżżomm statwa kbira ta’ Marija Immakulata Kunċizzjoni, xogħol fin ħafna fl-injam li jmur lura għas-seklu sbatax. Il-familja Saliba magħrufin bħala “Ta’ Mona”, minn dejjem benefatturi u Partitarji ferventi tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju ddeċidew li jirregalaw din l-istatwa lis-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju, anke fid-dawl tar-rabta antika li l-istess Soċjeta’ għandha mal-Kult tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija, fejn ta’ kull sena tiċċelebra l-Festa tagħha b’purċissjoni bil-Vara tal-Madonna tal-Ġilju mat-toroq tal-Imqabba. Din l-istatwa, sabet postha fil-Każin tas-Soċjeta’, fil-Pjazza ewlenija tal-Imqabba, ftit passi l-bogħod mill-imsemmija dar oriġinali.

Xi snin ilu, fl-istess żmien li nbeda’ l-proġett tar-rikostruzzoni tal-Każin Madonna tal-Ġilju, nħass il-bżonn li dan il-kapolavur artistiku jiġi restawrat għall-oriġinalita’ tiegħu. Dan il-proċess daħlu għalih b’mod metikoluż is-Sur David Bugeja flimkien mas-Sur Anthony Spagnol li kellhom biċċa xogħol kbira biex jagħmlu dak kollu neċessarju biex din l-istatwa tingħata ‘ħajja’ ġdida mingħajr ma jintilef xejn mill-preġju oriġinali tagħha. U hekk sar! Wara bosta nterventi, ir-restawr kien finalizzat. L-inawgurazzjoni saret propju nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2019, lejlet is-Solennita’ tal-Immakulata Kunċizzjoni, waqt kunċert vokali u strumentali mill-Banda Madonna tal-Ġilju fil-Gran Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. Din l-okkażjoni kienet taħt il-Patroċinju tal-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, l-Onorevoli Dr Owen Bonnici u serviet bħala l-ftuħ uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet li matul is-sena 2020 ser ifakkru il-75 sena anniversarju mit-twaqqif tal-ewwel Banda Mqabbija.

Ftit huwa magħruf dwar l-oriġini tal-istatwa ħlief li hija ta’ stil barokk u għandha madwar 350 sena. Hija magħmula minn zokk sħiħ u saret bil-għan li titqiegħed f’niċċa. Din l-istatwa ser tkun għal xi żmien għall-wiri fil-MUŻA (Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti Komunitarja) fil-Berġa tal-Italja, fil-Belt Valletta, biex wara eventwalment issib postha bi prominenza fis-sala prinċipali tas-Sede tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba. Il-Kumitat jieħu l-opportunita’ sabiex jirringrazzja lil dawk kollha li kienu nvoluti f’dan il-proġett ambizzjuż, b’mod partikolari lill-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, l-Onorevoli Dr Owen Bonnici, li mingħajr l-għajnuna tiegħu żgur ma kienx ikun possibbli li din il-ħolma ssir realta’. Is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju hija favur il-preservazzjoni tal-wirt kulturali u storiku li għaddewlna missirijietna minn ġenerazzjoni għall-oħra u tħares il-quddiem għar-realizzazzjoni t’aktar proġetti simili.