Restawrata l-pittura fl-apside tal-Katidral tal-Imdina

Miguela Xuereb

Read in English.

Tlesta x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-pittura fl-apside tal-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, li sar mill-Arċidjoċesi ta’ Malta b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-proġett b’investiment ta’ €70,000 ġie inawgurat mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Il-pittura li ġiet irrestawrata kienet ikkummissjonata lil Mattia Preti fl-1688 u saret fuq il-ħajt tal-knisja l-antika, jiġifieri dik li kien hemm qabel it-terremot tal-1693. Il-pittura turi n-nawfraġju ta’ San Pawl u hija meqjusa bħala waħda mill-aktar pitturi fidili lejn ir-rakkont tan-nawfraġju fl-Atti tal-Appostli.

Fiċ-ċentru tagħha jidher l-Appostlu Missierna San Pawl iħares lejn il-Missier Etern li qed jibgħat lil-anġlu tiegħu biex isabbar lil San Pawl u jaċċertah li l-276 persuna fuq il-ġifen se jsalvaw kollha. Matul is-snin saret ħafna ħsara lil din il-pittura bil-konsegwenza li kellhom isiru numru ta’ interventi ta’ restawr.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Katidral tal-Imdina, l-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l-Katidral, li huwa s-sede tal-Arċisqof ta’ Malta, huwa ġawhra prezzjuza fl-istorja reliġjuża ta’ pajjiżna li turi kif l-għeruq tagħna l-Maltin kienu msawra u msaħħa fil-fidi sa mill-bidu. Huwa fakkar kif din il-knisja fil-belt kapitali l-antika ta’ Malta, tissemma’ għall-ewwel darba fl-1299 meta l-knisja kienet qed tinbena, u li sa mill-bidu nett dan it-tempju kien ddedikat lil San Pawl.

L-Isqof Galea-Curmi rringrazzja lill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħhom ukoll seta’ jsir dan ir-restawr. Huwa ħeġġeġ lis-soċjetà Maltija biex filwaqt li tikber fl-apprezzament tal-patrimonju ekkleżjastiku ta’ pajjiżna, tagħraf il-ħeġġa li biha missirijietna b’tant sagrifċċju għexu u esprimew l-identità reliġjuża tagħhom għaliex għarfu dak li kien tal-akbar ġid għalihom u għal uliedhom.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, irringrazzja lir-restawraturi ReCoop għal dan ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li qal ser ikun jista’ jitgawda minna, minn dawk kollha li jiġu jżuru pajjiżna, kif ukoll mill-ġenerazzjonijiet futuri. Qal li l-Katidral tal-Imdina hu wieħed mill-knejjes fl-Arċidjoċesi ta’ Malta li bbenefika mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.