Restawrata l-istatwa ta’ San Ġużepp f’Ħal Għaxaq

DOI: Clifton Fenech

L-istatwa ta’ San Ġużepp f’Ħal Għaxaq tlestiet mir-restawr, u ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.

Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija saru fuq il-prinċipji tar-restawr, u inkludew tindif tal-istatwa tal-ġebel u l-pedestall minn depożiti superfiċjali u bijoloġiċi; pinning tal-partijiet maqlugħa; tiswija bi plastik apposta għall-ġebel deterjorat; tikħil lokalizzat ta’ fili miftuħa; tindif tal-plakek tal-irħam u xogħol ta’ rtukkjar fuq il-kliem miktub.

Il-Ministru Bonnici faħħar ix-xogħlijiet kontinwi li qiegħed iwettaq id-Direttorat tar-Restawr fuq monumenti u binjiet li għandhom sinifikat nazzjonali u tradizzjonali.

Id-Direttorat tar-Restawr ħadem f’70% tal-lokalitajiet u għandu 71 proġett għaddejjin li qegħdin fi stadji differenti.