​Restawr tal-faċċata tal-ewwel bini bl-elettriku f’Malta

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar tat il-permess biex isir xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tas-sala Neo-Gotika Robert Sammut fil-Furjana, l-ewwel bini li kellu l-elettriku f’Malta.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li x-xogħol ippjanat jinkludi tindif professjonali tal-ġebel, it-tneħħija ta’ żebgħa qadima, u tibdil ta’ ġebel li ddeterjora.
Il-bini kien tlesta fl-1883 u serva bħala Knisja tal-Protestanti. Il-Knisja ġiet iddisinjata mill-Perit Thomas Mullet Ellis. Skont il-PA, dan il-bini kien l-ewwel bini f’Malta li kellu l-elettriku fih.
Il-PA spjega wkoll li fl-1975 il-Gvern Malti kien ħa f’idejh it-tmexxija tas-sala u u biddel isimha għall-kompożitur tal-Innu Malti Robert Sammut, li kien mill-Furjana.