“Resqin lejn one-party state… il-PN m’għandux għax jistħi” – Farrugia

Id-deputat parlamentari Marlene Farrugia qalet li l-pajjiż riesaq lejn “one-party state”. Meta kienet qed titkellem fil-Parlament, Farrugia qalet li l-poplu Malti jirraġuna li aħjar l-istabbiltà ta’ partit korrott milli partit imfarrak. “The Best of two evils: hekk spiċċa dan il-pajjiż,” kompliet tgħid Farrugia.

“Il-Partit Nazzjonalista m’għandux minn xiex jistħi iżda jrid jieħu d-deċiżjonijiet fl-immedjat. Il-PN segwa fuq it-tajjeb li għamel Mintoff,” hi qalet.

Farrugia spjegat kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kull meta jiftaħ ħalqu jispiċċa bbumbardjat b’akkużi fuq l-operat tiegħu. Sostniet li l-Gvern missu qatt ma poġġa lil Owen Bonniċi Ministru għall-Edukazzjoni wara li nstab ħati mill-Qrati dwar ksur tad-drittijiet umani.

“Qed indaħħku n-nies bina. Sokrate ġie mġiegħel jixrob il-velenu wara li nstab ħati li kkorrompa l-imħuħ taż-żgħażagħ Griegi. Mela lilna xi jmisshom jagħmlulna,” staqsiet Farrugia.

Id-demokrazija mdendla b’ħajta – Bartolo

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li jaqbel ma’ Farrugia meta tgħid li d-demokrazija tinsab imdendla b’ħajta. Hu qal li fil-pajjiż m’hawnx oppożizzjoni u li wara li fallew il-kaxxa ta’ Malta issa qed ifallu lill-partit. Huwa qal li d-domanda li qed jistaqsu in-nies hi jekk il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista jkunux f’dan l-istat anki meta kienu fil-Gvern.

Mifsud Bonniċi jistieden lil Bartolo jingħaqad magħhom biex isolvu l-problemi tal-PN

Id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonniċi f’punt ta’ kjarifika ddikjara li Gvern Nazzjonalista ħalla l-pajjiż fi stat tajjeb. Mifsud Bonniċi stieden lis-Segretarju Parlamentari biex jekk tinteressah daqstant il-qgħada finanzjarja tal-PN, jingħaqad magħhom u jgħinhom joħorġu minn dan il-mument.

F’mument minnhom instema’ d-Deputat Nazzjonalista, Herman Schiavone jitkellem, bl-Ispeaker jitolbu jieqaf. Clayton Bartolo wieġeb li hemm min fost il-PN li għandu ftit tad-dwejjaq għax qed jaraw f’liema stat spiċċa l-partit tagħhom.