Ritratti: Residenza ta’ eks PM bl-ogħla grad ta’ protezzjoni mill-PA

Enrico Mizzi

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) skedat ir-residenza tal-Eks Prim Ministru Dr Enrico Mizzi fil-Belt Valletta fl-ogħla livell ta’ protezzjoni, jiġifieri dak ta’ Grad 1.

Mizzi kien sar Prim Ministru f’Settembru tal-1950, għalkemm miet biss tliet xhur wara, fir-residenza tiegħu. Huwa kien magħruf bħala Nerik Mizzi. Ir-residenza hija waħda tipika tas-Seklu 17, li kienu jgħixu fiha d-dixxendenti tiegħu sal-2002. Il-binja, li se ssir mużew, għad għandha l-għamara oriġinali u arkivji. Il-PA spjegat li din il-protezzjoni qed tingħata minħabba l-valur storiku u arkitettoniku tal-bini.

Flimkien mar-residenza ta’ Mizzi li se tingħata l-ogħla livell ta’ protezzjoni, hemm ukoll binja fil-Qrendi. Din il-binja hija palazz tipiku tas-Seklu 18 ta’ sular wieħed. Minn ġewwa, il-propjetà għandha intrata ddekorata bi tpinġija rikka mal-ħitan u bieb bi skulturi sbieħ li jagħti għall-ġnien.

Il-PA skedat ukoll diversi binjiet oħra madwar Malta għal-livell ta’ protezzjoni ta’ Grad 2. Dawn jinkludu binjiet f’Bormla, f’Ħal Balzan, fil-Gżira, f’Ħal Lija, fin-Naxxar u fil-Manikata.

Fost dawn il-binjiet, hemm il-Palazz tal-Isqof fil-Birgu. Dan imur lura għall-1542, u għandu arkitettura ta’ stil li kien popolari fl-aħħar tal-Medju Evu. Il-binja ntużat ukoll bħala l-Palazz tal-Inkwiżitur u baqa’ jintuża mill-Isqfijiet sa nofs is-Seklu 17.

Ukoll, hemm dar fil-Birgu, fi Triq il-Providenza rokna ma’ Triq it-Tliet Knejjes. Hija għandha żewġ sulari u għandha ħidma fi stil Barokk jew Rococo fil-gallarija. Kienet residenza ta’ Kavallier Spanjol Fra Giacomo Rodrigues, li hu midfun fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

L-unika binja mhux residenzjali fil-lista li qed jiġu skedati għall-protezzjoni, hija l-Knisja tal-Manikata, iddedikata lil San Ġużepp. Il-Knisja nbniet fl-1920 fi stil tradizzjonali.