Residenti mħassba fiż-żieda ta’ serq tal-pjanċi tal-karozzi

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li jinsabu mħassba b’numru ta’ każi fejn persuna jew persuni mhux magħrufa qed jisirqu il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-karozzi.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li b’dawn il-każi ġew mgħarrfa l-Pulizija fl-Għassa tad-distrett.
Residenti f'San Pawl il-Baħar u l-Qawra jinsabu l-iżjed imħassba għaliex mhux eskluż li s-serq tal-pjanċi qed isir minn persuni li għandhom il-ħsieb li jużawhom f’serqa billi jpoġġuhom fuq karozzi oħra misruqa.
Jirriżulta li diġà kien hemm tliet każi ta’ serq matul din l-aħħar ġimgħa.
Mat-tħassib tal-moħħ li jrid isir rapport mal-Pulizija, dawn ir-residenti li sfaw vittmi tas-serq qed ikollhom joħorġu wkoll il-flus biex jerġgħu jagħmlu l-pjanċi ma’ Transport Malta.
L-ispiża taf tvarja minn €70 sa’ €200 jew €1,500.
Apparti s-serq ta’ pjanċi tal-vetturi, rapporti oħra li jaslu għand il-Pulizija jinkludu wkoll serq ta’ karozzi u vetturi bi pjanċi barranin li jitħallew fit-toroq, ħafna drabi pparkjati ħażin u li mhux eskluż li ntużaw f’serqa wkoll.
Fil-ġimgħat li għaddew, fiż-żmien tal-Milied, Newsbook.com.mt kien irrapporta żmien ta’ serq u vandaliżmu fuq karozzi pparkjati fis-Swieqi u San Ġiljan. 
Fuq dawn il-każi ta' vandaliżmu wkoll kienu saru rapporti mal-Pulizija.