Residenti jappellaw għas-sapport kontra proġett ta’ 71 appartament fin-Nadur

Read in English.

Residenti fi Triq il-Qortin, in-Nadur Għawdex qed joġġezzjonaw għall-proġett ta’ 71 appartament li l-applikazzjoni għalih ġiet ippreżentata quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar, il-ġimgħa li għaddiet.

Jirriżulta li l-proġett jaqa’ f’żona ta’ żvilupp għalkemm partijiet minnu le u dan minħabba l-konfini taż-żona li fuqha qed jiġi propost dan l-iżvilupp li qed jiġi propost minn Titan Developments Limited.

Ir-resident, fi stqarrija li għaddew lill-mexxi tax-xandir, qalu li dan il-proġett se jkun qed jinvadi ż-żona residenzjali tagħhom apparti li l-proġett ma’ jaqbilx mal-ambjent agrikolu tal-madwar.

Skont l-applikazzjoni, qed jiġi propost wkoll 74 garaxxijiet taħt l-art u pixxina komuni għall-appartamenti apparti l-71 appartament mifruxa fuq 4 sulari, bil-livell mat-triq eskluż.

“Aħna ma rridux li influss kbir ta’ Maltin jiġu jgħixu f’din it-triq,” qalu r-residenti filwaqt li appellaw sabiex it-triq tagħhom tibqa parti mill-kampanja.

“Hu ta’ insult kbir għalina li l-mod tal-għejxien tagħna jiġi ddeterminat minn kumpanija tal-kostruzzjoni Maltija li majinteressahiex mir-residenti ta’ Triq il-Qortin,” ingħad fl-istqarrija.

Ġie spjegat kif it-triq hi magħmula minn djar żgħar li fihom hemm familji li ilhom jgħixu s-snin. Resident partikolari semma kif nannuh kien bakkunier u għex ħajtu f’din it-triq u li l-ġlieda kontra dan il-proġett, li se jkun qed jgħarraq il-veduti ta’ Daħlet Qorrot, in-Nadur u l-Qala, qed jagħmilha għalih.

Ingħad wkoll li l-estetika tal-proġett kif propost ma jaqbilx mal-karattru tat-triq.

Ir-residenti appellaw biex dawk li jixtiequ joġġezzjonaw għall-proġett PA/00085/21 jistgħu jagħmlu dan mal-Awtorità għall-Ippjanar sa 19 ta’ Frar 2021.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn