Residenti f’kundizzjonijiet insapportabbli tort tal-iżviluppaturi – FAA

L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) talbet lill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) biex tieħu azzjoni immedjata biex twaqqaf il-membri tagħha milli jesponu lir-residenti għal kundizzjonijiet insapportabbli.
Ritratt li qed tiċċirkola l-għaqda juri sit ta’ kostruzzjoni li huwa mdawwar bl-appartamenti. Jidher li hemm ħafna trab idur fl-arja.
Fi stqarrija, l-FAA qalet li r-residenti qed jiġu esposti għat-trab, storbju, u inkonvenjent.
Żiedet tgħid li matul il-weekend li għadda, is-sit ta’ Townsquare nbidel fi sħaba ta’ trab mis-sit tal-kostruzzjoni.
L-FAA qalet li dan jiċħad stqarrijiet preċedenti mill-MDA li kienet qalet li l-iżviluppaturi qed jużaw metodi ġodda.
L-għaqda ambjentali sfidat lill-MDA biex issib soluzzjonijiet realistiċi u biex jagħtu prijorità lill-kommunità u mhux lill-flus.
Ritratt: FAA