Residenti f’Ħal Qormi mwerwra li jħebb għalihom il-ġar

Fi Triq Mons. Geraldo Frendo f’Ħal Qormi għadu jinstema’ l-eku tal-argument li seħħ xahar ilu bejn żewġ ġirien li joqogħdu biswit xulxin.
Ġirien oħra residenti fl-istess triq qalu ma’ Newsbook.com.mt li ilhom xahar imwerwra kull darba li jiġu biex joħorġu jew jidħlu fi djarhom. Uħud qalu li kull tant ħin jiċċekkjaw il-bieb, u jibżgħu joħorġu barra. Dan minħabba li l-aggressur huwa magħruf mal-pulizija u minkejja l-aggressjoni baqa' ma ġiex arrestat.
L-argument imur lura għat-2 ta’ Diċembru li għadda, ħdejn il-klabb tal-boċċi fil-wied, meta ż-żewġ ġirien, tfajla u raġel, bdew jargumentaw minħabba storbju li kien qed isir minn ulied ir-raġel. L-għada, l-aggressur inzerta lit-tfajla dieħla d-dar u aggrediha.
Nies li kienu fuq il-post fil-ħin tal-argument, qalu ma’ Newsbook.com.mt li mhux minnu li ħadd ma weġġa’ fl-inċident kif ġie rrappurtat fuq il-mezzi tax-xandir.
Qalu li minbarra li tefa’ qasrija fuq il-karozza tal-għarus tal-vittma, intlaqtet karozza oħra. Żiedu jgħidu li r-raġel ġibed lit-tfajla mill-ġakketta, taha daqqa ta’ ponn, qabadha minn xagħarha u kaxkarha mal-art.
Spjegaw li dak il-ħin fuq il-post kien hemm mal-20 pulizija, u quddiemhom stess waqt li kienu qed jimmanettjawh, ir-raġel beda jhedded lit-tfajla u lil qrabatha.
Żiedu jgħidu li qabel ma taha daqqa ta’ ponn, il-ġirien rawh fil-gallarija jxejjer sikkina u li beda jgħajjat u jgħid, li jrid jaqtgħalhom rashom u li ma jistax jinżel għalihom għax il-mara sakkritu ġewwa. Skont il-ġirien, lill-Pulizija semgħuhom jgħidu li sakemm ma jinżilx fit-triq bis-sikkina, ma jistax jitqies bħala theddida.
Il-ġirien qalu li ma jistgħux jifhmu kif għadda xahar u li sa issa ħajjithom għadha fil-periklu.
Jistaqsu kif nisimgħu tant dwar il-vjolenza domestika, imbagħad ma jittieħdu l-ebda passi dwar dawn il-każi.
Newsbook.com.mt għandu wkoll f’idejh xi ritratti li juru tbenġil li ħarġilha wara l-aggressjoni. 
Dakinhar tal-argument, ir-raġel ittieħed l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi, iżda għadu mhux magħruf meta se jitressaq il-Qorti.