Ritratti: Residenti Beltin “taħt arrest f’darhom stess”

Residenti tal-Belt Valletta lmentaw dwar il-problema rikorrenti ta’ nuqqas ta’ parkeġġ.
Iddeskrivew is-sitwazzjoni bħala waħda li żżommhom “taħt arrest f’darhom stess” hekk kif minn ftit ġimgħat ilu, spazju ta’ parkeġġ fi Pjazza Indipendenza, qed ikun riservat għall-ħaddiema tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej fil-Berġa t’Aragona.
F’konferenza li saret il-Ġimgħa filgħaxija, grupp ta’ residenti Beltin ilmentaw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Lokali mhux dejjem ikunu kkonsultati mar-residenti u saħansitra ġieli lanqas il-kunsilliera stess ma jkunu infurmati.
Min-naħa tagħhom ir-residenti qalu li l-Kunsill infurmahom li l-parkeġġ li tneħħa minn Pjazza Indipendenza, sar bi tpartit ma’ parkeġġi oħra qrib il-gunpost ftit biss ‘il bogħod mill-istess pjazza.
Madankollu huma lmentaw li l-parkeġġ ta’ qrib il-gunpost li qabel kien riservat, issa sar parkeġġ normali (bil-linji bojod) u mhux riservat apposta għar-residenti (b'linji ħodor jew blu).
Minkejja dan, ir-residenti urew l-apprezzament tagħhom li s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia laqa’ t-talba tagħhom u qed isiru diskussjonijiet bit-tama li tinstab soluzzjoni aħħarija fil-futur qrib.