Resident Ingliż fi Sierra Leone jieħu l-virus tal-Ebola

Resident Ingliż fi Sierra Leone rriżulta pożittiv għal virus qerriedi tal-Ebola. Dan huwa l-ewwel każ ta’ persuna mir-Renju Unit li ħa l-marda.
Professuri fl-Ingilterra spjegaw li l-possibilità li l-Ebola tinfirex fir-Renju unit għada baxxa. Esperti qed jissorveljaw is-sitwazzjoni fi Sierra Leone biex tingħata l-kura u biex il-virus ma jinxteridx barra mill-pajjiż.
In-Nazzjonijiet fil-Punent tal-Afrika qed idaħħlu miżuri ġodda biex iwaqqfu t-tixrid tal-virus wara li kienu rrapurtati żewġ każijiet ġodda.
Il-Kosta tal-Avorju għalqet il-fruntiera tagħha ma’ Sierra Leone fejn hemm numru ta’ persuni nfettati bil-virus.
Skont rapporti fuq midja internazzjonali s’issa 1,427 persuna tilfu ħajjithom kawża tal-virus fil-pajjiżi tal-Punent tal-Afrika.
Hemm biża li n-numru ta’ persuni affetwati huwa akbar, għax minħabba l-istigma marbuta mal-virus ħafna qed jaħbu l-kundizzjoni. Dawn qed iżidu l-periklu għax qed jibqgħu f’kuntatt ma’ persuni oħra, bil-konsegwenza li aktar nies qed jiġu affetwati.