Reshuffle tal-Ambaxxaturi: Mill-UE għal Spanja, għall-Ġermanja

Il-Gvern ħabbar li għamel reshuffle tal-Ambaxxaturi li permezz tagħha rat l-Ambaxxatriċi ta’ Malta fil-Ġermanja terġa’ lura għar-Rappreżentanza Maltija għall-Unjoni Eworpea, l-Ambaxxatur tal-UE jitkeċċa u jintbagħat Spanja u dak ta’ Spanja jintbagħat il-Ġermanja.

Fi stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern qal li appunta tliet ambaxxaturi fi rwoli ġodda.

Ilbieraħ ġie rrappurtat li l-Ambaxxatur Daniel Azzopardi, ir-rappreżentant ta’ Malta fi Brussell, tkeċċa mill-kariga tiegħu b’diversi siti tal-aħbarijiet jgħidu li dan sar minħabba ħidmietu. Huwa issa nħatar bħala Ambaxxatur ta’ Spanja.

Filwaqt li ċaħad din l-aħbar billi rringrazzja lit-tliet Ambaxxaturi “għax-xogħol tajjeb ħafna tagħhom, tal-kontribuzzjoni li jagħtu u tal-impenn li juru”. Il-Gvern stqarr li hija prassi li jkun hemm rotazzjoni tal-ambaxxaturi, “l-iktar meta jkun hemm amministrazzjoni ġdida”.

L-Ambaxxatur Vanni Xuereb, li qabel kien imexxi l-Malta-EU Steering Action Committee u li  preżentament jokkupa l-kariga ta’ Ambaxxatur Malti għar-Renju ta’ Spanja se jkun nominat sabiex ikunu l-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja.

L-Ambaxxatur Marlene Bonnici li preżentament hija l-Ambaxatur Malti għal Ġermanja u li serviet bħala r-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea bejn l-2012 u l-2018, se tkun qed tirritorna għall-irwol li okkupat hija qabel, dak ta’ Rappeżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell. L-Ambaxxatur Bonnici hija waħda mill-aktar diplomatiċi Maltin li għadha sservi fil-Korp Diplomatiku Malti. Hija okkupat karigi għolja bħala uffiċjal pubbliku u serviet anke bħala Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.