Aġġornata (3): Simon Busuttil iħabbar tibdil fix-shadow cabinet tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħabbar tibdil fix-shadow cabinet tal-Partit Nazzjonalista.
Bit-tibdil kif imħabbar, eks Ministri li ġew eletti fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2013 tilfu posthom fix-shadow cabinet filwaqt li ż-żewġ membri nisa tal-Parlament Ewropew sabu posthom bħala kelliema għall-Oppożizzjoni.
Simon Busuttil se jibqa’ l-Kap tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li l-Viċi Kap Mario de Marco se jkun kelliem għall-Finanzi, il-Viċi Kap l-ieħor Beppe Fenech Adami se jkun kelliem għall-Intern u s-Segretarju Ġenerali Chris Said se jkun kelliem għal Għawdex.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit ħabbar li Paula Mifsud Bonnici se tkun il-kelliema għall-Politika Soċjali, Jason Azzopardi se jkun kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin, il-Ġustizzja u d-Demokrazija, Claudette Buttiġieġ se tkun il-kelliema għas-Saħħa biex issa Claudio Grech se jkun kelliem għall-Ekonomija.
Marthese Portelli se tkun il-kelliema għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport filwaqt li l-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia se tkun kelliema għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u Roberta Metsola, kelliema għall-Affarijiet Ewropej u Barranin.
L-Ewroparlamentari David Casa se jibqa’ Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.
It-tibdil li ħabbar Simon Busuttil ifisser li l-erba’ eks Ministri, Tonio Fenech, George Pullicino, Carm Mifsud Bonnici u Joe Cassar mhux se jibqgħu parti mix-shadow cabinet, iffurmat issa minn għaxar persuni.
Dan apparti żieda qawwija fil-preżenza tan-nisa.
Kull Kelliem għall-Oppożizzjoni se jkollu miegħu Deputat biex jgħin fil-ħidma.
Dan kien it-tieni reshuffle ta’ Simon Busuttil minn meta fl-2013 ħa f’idejh it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.