Requiem għal Marsaxlokk

Ix-Xlukkajr Martin Caruana reġa’ żewweġ il-kliem f’poeżija oħra lil raħal twelidu – Marsaxlokk.  
Hekk kif bħalissa għaddejja l-konsultazzjoni mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent dwar ir-rapport mħejji biex ristorant f’Marsaxlokk jinbidel f’lukanda, Martin jisħaq li dan l-iżvilupp ma jirrispettax il-karattru ta’ Marsaxlokk, “u allura se nmorru għan-niżla”.
Din hi l-poeżija li ħarbex Martin Caruana:

REQUIEM GHAL MARSAXLOKK

Kont tilbes l-iswed, fix-xtiewi qliel,
Tiddellel tiksaħ, wiċċek jidbiel.
Kont ġwejjed mistħi, iżżomm ġo fik,
Uħud madwarek, jiddieħqu bik.

Uliedek ħafja, għad-dell tal-qlugħ,
Il-mewġ jiblagħhom, baħar ta’ dmugħ,
Fuq xtutek niket u qtiegħ il-qalb,
Min jgħix bit-tama, min jgħix bit-talb.

Imma mis-siġra, friegħi tarjin,
Żgħażagħ qalbiena, jaqdfu mtajrin,
U d-dgħajjes lura, għana ferrieħ,
Għall-kenn ta’ djulek, kulħadd jistrieħ.

Bil-knaz maqluba, jekk bnazzi m’hemmx,
U x-xbieki xuxa, għal għajn ix-xemx,
Jaħdmu bl-imtieraq, jonġru sa tard,
Jibnulek knisja, imnaqqxa ward.

Rajthom qaqoċċa, jaħdmu flimkien,
Bl-imħabba tagħhom, sirt qisek ġnien,
Dgħajjes imlewna, f’baħar kristall,
Kulhadd ifittxek, warajk jinħall.

Imm’ issa marda, waħda mill-qliel,
Qed tiekol minnek, qiegħed tidbiel,
Bi kliem qarrieqi, jgħidu jfejquk,
Waqt li fil-konkos, qed ikeffnuk.

Martijn Caruana
8 ta’ Frar 2018
Fil-ġimgħat li għaddew, Caruana kiteb poeżija dwar il-breakwater fl-istess lokalità.