Repubblika twiegħed li tara li l-inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne tibqa’ indipendenti

Miguela Xuereb

Repubblika wiegħdet li hija se tibqa’ taħdem biex l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tibqa’ indipendenti, mingħajr indħil mill-Gvern.

L-NGO avżat lill-Gvern, permezz ta’ stqarrija, li hi se tuża l-mezzi kollha possibbli biex tirreżisti kull theddida għall-indipendenza tal-inkjesta pubblika, li hi, flimkien mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, iġġieldet biex titwaqqaf sabiex isir magħruf jekk l-Istat setax ipprevjena li tinqatel il-ġurnalista.

Skont l-NGO, it-theddida fuq l-indipendenza tal-inkjesta ġejja mill-kummenti tal-Prim Ministru “li ndaħal fuq dak li deherlu li hu jew mhux rilevanti fix-xogħol tal-inkjesta, u issa tal-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern li jrid jiskredita lill-imħallfin li jiffurmaw il-bord tal-inkjesta.”

Il-Whip Glenn Bedingfield ikkummenta fil-jiem li għaddew li l-inkjesta qiegħda tintuża għal skopijiet politiċi. F’kummenti li kiteb fuq Facebook dalgħodu, huwa qal li minflok isiru żewġ seduti f’ġimgħa, kif qed isir, ladarba hemm daqshekk informazzjoni pertinenti x’toħroġ mill-inkjesta, missha ssir seduta kuljum.

Dalgħodu tkompli l-inkjesta li suppost qed tistħarreġ jekk l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia setax kien evitat….

Posted by Glenn Bedingfield on Thursday, September 17, 2020

Repubblika spjegat li l-aġġettiv “indipendenti” jintuża biex jiddeskrivi l-inkjesta għax din għandha l-għan li tistħarreġ x’seta’ għamel jew m’għamilx il-Gvern li seta’ wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u x’seta’ għamel jew m’għamilx il-Gvern wara l-qtil biex issir magħrufa l-verità.

L-NGO semmiet ukoll li anke mill-proċess kriminali jirriżulta li hi l-fehma tal-Prosekuzzjoni li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu l-mottiv tiegħu fil-korruzzjoni li fiha kien involut il-Gvern. “U mill-inkjesta jirriżulta li l-aġir tal-Gvern ħoloq atmosfera t’impunità li fiha setgħet tinqatel ġurnalista u min qatilha seta’ jaħseb li ma kien jiġrilu xejn.”

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Bord tal-Inkjesta kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela biex jitolbu biex tiġi estiża d-data sa meta trid tintemm l-inkjesta, peress li din kienet ingħatat disa’ xhur biex titlesta. Il-Prim Ministru ta sal-15 ta’ Diċembru, u wera l-fehma li l-inkjesta m’għandhiex iddum aktar milli hemm bżonn. Diversi oġġezzjonaw għal dawn il-kummenti tal-PM u qiesu dan bħala ndħil.