Repubblika ttenni t-talba tagħha biex il-Europol tinvestiga mal-Pulizija Maltija

Repubblika rreaġixxiet għall-aħħar żviluppi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia billi tenniet it-talba tagħha għal tim investigattiv konġunt magħmul mill-Europol u mill-Pulizija Maltija.

Dan wara li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jinsab l-isptar f’qagħda kritika wara li l-lejl li għadda, allegatament weġġa’ lilu nnifsu serjament.

Illum Theuma kellu jkompli jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza Yorgen Fenech, ir-raġel li Theuma identifika bħala l-mandant fl-assassinju. Fis-seduta tal-lum kellha tintwera l-proklama li ngħata Theuma biex jgħid kulma jaf.

L-istqarrija ta’ Repubblika tgħid, “Issa daqshekk. Ma rridux lill-mafja tal-flus u l-interessi tikkontrolla lil Malta.” L-NGO qalet li l-awtoritajiet Maltin ma għamlu xejn, u jeħtieġ li jinħatar tim investigattiv konġunt sabiex dan iressaq quddiem il-ġustizzja lill-“mafja li qed toħnoq lil Malta.”

L-NGO rreferiet għal każijiet differenti ta’ qtil fl-istorja ta’ Malta, bħal dak ta’ Nardu Debono, ta’ Wilfred Cardona, ta’ Lino Cauci u ta’ Ġanni Psaila, u saħqet li ma jistax ikun hemm aktar qtil. Hija wiegħdet li mhix se tieqaf qabel toħroġ il-verità fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.