Repubblika trid inkjesta pubblika fuq il-qagħda fil-Korp tal-Pulizija

Read in English.

Repubblika qed titlob li tinħatar inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qagħda fil-Korp tal-Pulizija, biex tistabbilixxi jekk teżistix kultura ta’ abbuż, korruzzjoni u impunità, biex issib ir-raġunijiet li wasslu għas-sitwazzjoni kurrenti u biex tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tagħha.

L-għaqda mhux governattiva ddeskriviet il-fatti li ħerġin dwar l-investigazzjoni fil-Korp bħala “xokkanti.” Skontha, dawn l-aħbarijiet jindikaw il-kultura ta’ “abbuż, korruzzjoni u impunità” li rabbiet għeruqha fil-Korp ukoll.

Repubblika spjegat li, “Din mhix investigazzjoni dwar imġiba kriminali individwali u lanqas kundanna ta’ dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jaqdu dmirhom u li jixirqilhom ir-rispett tagħna. Din hija investigazzjoni dwar il-kultura, l-istrutturi u n-networks maħmuġa u moħbija li jidher li nawru l-qalba tal-Korp tal-Pulizija.”

L-għaqda qed tqis dan il-każ bħala indikazzjoni oħra li l-istituzzjonijiet f’Malta waslu fi stat ta’ kollass, u li l-korruzzjoni kkorrompiet saħansitra lil dawk fdati biex jiġġildulha.

Skont stqarrija tal-Pulizija maħruġa lbieraħ filgħaxija, s’issa hemm 41 uffiċjal arrestat, b’31 minnhom li ngħataw il-police bail. Kien hemm seba’ riżenji li kollha ġew aċċettati. Infetħet inkjesta maġisterjali fuq il-każ.

Dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kellu kliem simili x’jgħid meta rrefera għall-Korp tal-Pulizija bħala wieħed imnawwar, maħkum mill-impunità.