Repubblika titlob lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jinvestiga l-MFSA

Read in English.

Dalgħodu Repubblika għamlet talba formali lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) sabiex jinvestiga storja li dehret fuq ġurnal lokali The Sunday Times of Malta fejn ġie rrappurtat li uffiċjal tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) ngħata somma biex jirtira kmieni, iżda ftit wara reġa’ ġie mpjegat f’aġenzija ġdida li ħarġet mill-istess awtorità.

Fl-ittra, l-għaqda ġibdet l-attenzjoni tal-NAO fejn qalet li l-istess uffiċju jinsab allegat li George Spiteri li kien id-direttur għar-riżorsi umani fi ħdan l-MFSA ħa iktar minn €150,000 biex jirtira kmieni. Iżda fi żmien ftit ġimgħat huwa ġie impjegat bħala d-direttur għar-riżorsi umani fi ħdan l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Kumpaniji. Ir-reġistru tal-kumpaniji sa ftit ġimgħat ilu kien jagħmel parti mill-MFSA. Qalet li dawn il-flus li tħallsu lil Spiteri ħarġu mill-fondi pubbliċi.

Aqra: Aġġornata: ‘Il-Gvern għandu jieqaf jindaħal fil-ħidma tal-MFSA’ – PN; il-Gvern iwieġeb

Qalet li impjegati oħrajn li kienu jaħdu fir-Reġistru tal-Kumpaniji ġew trasferiti fuq il-kotba tal-Aġenzija l-ġdida bl-istess responsabbiltajiet, madanakollu lil Spiteri naqqsulu r-responsabbiltajiet li kellu. Repubblika semmiet ukoll li minn meta nbiddlet it-tmexxija tal-MFSA s-sena li għaddiet, l-MFSA ħallset iktar minn €1 miljun f’dawk li jgħidulhom “golden handshakes” bejn 10 persuni li ħadd minnhom ma kien impjegat mill-ġdid ma’ xi entità li kienet tagħmel parti mill-MFSA bħal Spiteri.

L-għaqda talbet lill-NAO sabiex abbażi ta’ dan kollu, tibda verifika sabiex jinvestiga l-użu mhux ekonomiku, effettiv u effiċjenti ta’ flejjes pubbliċi. Intant qiegħdet lilha nnifisha għad-dispożizzjoni tal-NAO f’każ ta’ bżonn ta’ aktar dettalji li jistgħu jgħinuh fl-investigazzjoni tiegħu.

Propju wara l-ippubblikar tal-istorja fil-media, is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji qal l-MFSA hi awtorità awtonoma, li wara xi tibdiliet li saru, ingħatatilha aktar għodda biex tissaħħaħ. Skont l-istqarrija, saru żewġ emendi. L-ewwel waħda hi li l-Ministru responsabbli għall-MFSA m’għadux il-persuna li jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-pakketti ta’ rimunerazzjoni. It-tieni emenda li saret kienet li l-Gvern neħħa d-direttiva magħrufa bħala d-Direttiva 7. Skont l-istqarrija, dan ifisser li l-Awtorità m’għadx għandha bżonn il-premess tas-Segretarju Permanenti biex timpjiega persuni ġodda.