Jason Azzopardi ilu bil-protezzjoni mis-16 ta’ Ġunju

Aġġornat 06:12 PM
Press_Conference_Jason_Azzopardi

Read in English.

Il-Korp tal-Pulizija stqarr li l-Avukat Jason Azzopardi, li qed jirrappreżenta lill-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, ilu jingħata protezzjoni mill-Pulizija mis-16 ta’ Ġunju li għadda. Fi stqarrija l-Korp qal li l-protezzjoni tikkonsisti fi preżenza ta’ pulizija għassa mar-residenza fejn joqgħod.

Dalgħodu, l-għaqda Repubblika talbet għall-protezzjoni ta’ Jason Azzopardi. Fi stqarrija, l-għaqda qalet li kitbet żewġ ittri lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri sabiex jipprovdi protezzjoni għall-avukat, fil-15 u fil-21 ta’ Ġunju, “iżda għadha ma rċevitx tweġiba u Dr Azzopardi għadu mingħajr protezzjoni”.

Fl-ittri tagħha, Repubblika qalet li kull min huwa f’periklu f’dan il-każ għandu jkun protett, speċjalment wara dak li ġara lill-ġurnalista, meta din inqatlet b’bomba li tqiegħdet fil-karozza tagħha fis-16 ta’ Ottubru, 2017.

Repubblika fakkret lill-Aġent Kummissarju li dawk li kkummissjonaw, ippjanaw u wettqu l-assassinju “huma persuni b’saħħa kbira u b’konnessjonijiet u infiltrazzjoni politika u istituzzjonali kbira ħafna, inkluż fil-Korp tal-Pulizija.”

Il-ġimgħa li għaddiet, Dr Jason Azzopardi qal li “l-agħar għadu ġej” u ta x’jifhem li se joħorġu aktar aħbarijiet xokkanti mis-seduti fil-qorti.

Tliet irġiel jinsabu arrestati u qed jaffaċċjaw proċeduri kriminali akkużati li wettqu l-qtil. Dawn huma l-aħwa Alfred u George Degiorgio, u Vince Muscat. F’Novembru li għadda, il-Pulizija arrestat lil Melvin Theuma, li qal huwa stess li kien is-sensar fl-assassinju, jiġifieri dak li ġie mqabbad iqabbad lit-tliet irġiel biex iwettqu l-qtil. B’deċiżjoni tal-Kabinett, huwa ngħata maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf.

Imbagħad ġie arrestat Yorgen Fenech huwa u jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu. Fenech kien Direttur tat-Tumas Group, huwa sid il-kumpanija 17 Black u hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju.

Apparti dawn, issemmew diversi persuni fil-qorti b’rabta mal-każ, ewlenin fosthom Keith Schembri, li kien iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona. Schembri se jixhed illum fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech. F’kitba fuq Facebook, Schembri qal li se jkollu ċ-ċans jgħid il-verità kollha.

Fis-seduti ssemmew ukoll l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li kien ħabib ta’ Fenech, u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Il-ġimgħa li għaddiet, ġie ordnat illi tinbeda investigazzjoni kriminali fuq Cutajar. L-Avukat Azzopardi allega li l-Prim Ministru Robert Abela kien ilu jaf xhur dwar Cutajar, li dan allegatament għadda informazzjoni b’rabta mal-investigazzjoni tal-każ lil persuni konċernati.

L-aħħar seduta tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil
8 xhur qabel Daphne nqatlet ippruvaw jiħħekkjawlha l-blogg

Dr Jason Azzopardi huwa wkoll Membru Parlamentari Nazzjonalista u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq il-Ġustizzja.

Dwar l-iskandlu ta’ Montenegro li ġie żvelat fl-aħħar jiem, Azzopardi kien diġà wissa meta qal fil-Parlament li qed jistenna bil-ħerqa għal meta toħroġ il-verità dwar il-wind farms mixtrija mill-Enemalta f’Montenegro. Ġie żvelat illi Yorgen Fenech għamel profitt tal-miljuni li ma kienx dikjarat minn dan ix-xiri. Dan għamlu permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black, ibbażata f’Dubaj.