Repubblika titlob lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-ħatriet tal-ġudikatura

L-għaqda Repubblika talbet lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinvestiga s-sistema li biha tinħatar il-ġudikaturi f’Malta. Fi stqarrija, l-għaqda spjegat li għamlet dan sabiex joħroġ jekk il-ħatra tmurx kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Repubblika talbet lill-Kummissjoni teżamina wkoll jekk il-poter diskrezzjonali tal-Prim Ministru li jiddeċiedi fuq il-ħatra tal-ġudikatura tmurx kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea. Fl-applikazzjoni ssemmew numru ta’ partijiet mill-Kostituzzjoni Maltija u l-mod kif dawn jiġu implementati mill-Gvern.

Aqra: L-avukati ta’ Repubblika jitolbu biex il-membri l-ġodda tal-ġudikatura ma jingħatawx każi

L-għaqda insistiet li l-Liġi maltija tagħti l-Prim Ministru diskrezzjoni bla rażan biex jaħtar l-imħallfin u l-maġistrati għall-ġudikatura mingħajr analiżi ġudizzjarja. Qalet li din is-sitwazzjoni tmur kontra t-Trattat Ewropew li jifforma l-bażi tal-Liġi Ewropea u jistabilixxi l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni.

Repubblika rreferiet għal Ottubru tal-2018 meta l-Kummissjoni Ewropea ħadet lill-Polonja l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dan minħabba li baxxiet il-limitu ta’ età li għandhom ikollhom l-imħallfin tal-Qorti Suprema biex jirtiraw. F’Ġunju li għadda, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Polonja kienet kisret il-Liġi Ewropea fil-mod li kienet trattat lill-ġudikatura.

Aqra: 6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura; 3 imħallfin u 3 maġistrati

F’April li għadda, il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar sitt ħatriet ġodda fil-ġudikatura, tliet imħallfin u tliet maġistrati li kollha ġew approvati mill-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti. Dan minkejja l-protest ġudizzjarju mressaq quddiem il-Qorti mill-għaqda Repubblika fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici intalbu jwaqqfu l-ħatriet.

L-għaqda Repubblika kienet talbet sabiex il-ħatriet tal-Imħallfin u l-Maġistrati kollha jieqfu sakemm titwettaq ir-riforma li l-Kummissjoni Venezja rrakkomandat lill-Gvern Malti lejn it-tmiem tas-sena l-oħra. Il-Kummissjoni Venezja kienet għamlet rakkomandazzjoni biex il-Ġudikatura tkun indipendenti mill-Gvern.

Aqra: Il-Gvern u Repubblika ma jaqblux dwar min rebaħ il-kawża dwar il-ħatriet tal-ġudikatura