Repubblika titlob inkjesta pubblika dwar il-miżuri tal-coronavirus

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Hekk kif jidher li l-missjoni ta’ Malta li tagħti ħajja lit-turiżmu fi żmien il-coronavirus jidher li qed imur kontra l-effett mixtieq, l-NGO Repubblika talbet għal inkjesta pubblika fil-miżuri li ttieħdu biex il-pandemija ma tinfirixx.

F’dikjarazzjoni mibgħuta lill-midja llum, l-NGO ikkundannat “il-politika ta’ kontinwità dettata mir-rebgħa u l-impunità tal-gvern ta’ Robert Abela.” Qalet li din il-politika qed ikollha effetti diżastrużi fuq is-saħħa tal-Maltin u ta’ dawk li jżuru l-pajjiż. Semmiet ukoll li l-ħsara qed issir fuq ir-reputazzjoni tal-pajjiż, u konsegwentement, fuq l-ekonomija.

Innutat li l-‘mekkaniżmi’ u l-protokolli implimentati minn Robert Abela u l-gvern tiegħu biex titqajjem l-ekonomija qed ikollhom l-effett kuntrarju minn dak mistenni. Sostnew li jisperaw li dawk il-protokolli li qegħdin jiġu stabbiliti għall-iskejjel mhux se jkollhom l-istess effetti diżastrużi, u li mhux se jeffettwaw is-saħħa u l-benessri tat-tfal.

Kompliet billi qalet li fid-dawl tal-falliment tal-gvern biex jikkontrolla it-tifrix attwali tal-pandemija tal-coronavirus, Repubblika titlob inkjesta pubblika dwar il-miżuri li ttieħdu u li se jittieħdu biex iwaqqfu il-firxa tal-virus. 

Talbet ukoll li l-protokolli għall-ftuħ tal-iskejjel u tal-università jiġu ippublikati minnufih, biex il-ġenituri jkunu jistgħu iserrħu rashom li s-saħħa u l-edukazzjoni korretta tat-tfal tagħhom se tkun iggarantita u l-istudenti jkunu jistgħu jerġgħu jibdew l-istudju tagħhom fis-serenità.