Repubblika b’rapport mal-Pulizija dwar l-arloġġ li Fenech ta lil Muscat

Read in English.

L-NGO għas-Saltna tad-Dritt (Rule of Law) Repubblika ssottomettiet rapport tal-pulizija tiddenunzja lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar allegata korruzzjoni, tixħim u kunflitt ta’ interess.

Ir-rapport, indirizzat lill-Kummissarju għall-Pulizija Lawrence Cutajar, ġie ffirmat mill-avukat Jason Azzopardi. Dan ġie wara li s-sit Lovin Malta żvela li l-Prim Ministru Joseph Muscat irċieva bħala rigal arloġġ tal-Bvglari li jiswa’ €20,000 mingħand Yorgen Fenech fl-2014. Fenech qed jiġi suspettat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Sa issa, l-ebda kelliem tal-Gvern ma qal li dak li ħareġ fil-media kien gidba. Fenech qed jidher akkużat bħala kompliċi fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-aħħar progress fl-investigazzjonijiet wasslu għar-riżenji tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Muscat ħabbar li hu se jkun qed jirreżenja f’Jannar wara li Fenech kien tressaq il-Qorti.

Schembri qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju, xogħol fittizju li ngħata lis-sensar tal-assassinju Melvin Theuma u dwar tbabis ta’ evidenza.

Fenech huwa wkoll sid tal-kumpanija 17 Black, kumpanija offshore ibbażata f’Dubai li kienet imsemmija bħala klijenta ta’ kumpaniji offshore ta’ Schembri u Mizzi.

It-Tlieta, Lovin Malta rrappurtat li Muscat aċċetta r-rigal tal-Milied li jiswa ħafna flus fl-2014. L-arloġġ kien wieħed fost 25 li ġew iddisinjati għall-okkazjoni meta Malta kienet saret parti mill-Unjoni Ewropea fl-2004. Missier Fenech, George Fenech, kien xtara diversi arloġġi ta’ edizzjoni limitata meta dawn kienu ħarġu. Il-ġurnal online ikkwota sorsi jgħidu li l-arloġġ jiswa’ €20,000.

Fir-rapport lill-pulizija, Repubblika qalet li r-rigal ingħata lil Muscat fil-Milied tal-2014, ġimgħat wara li l-Gvern kien ta garanzija bla preċendent li jkopri self minn bank ta’ €88 miljun sabiex Electroga ikun jista’ jibni power station ġdida. L-NGO qalet li mill-2013, Fenech li kien il-Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group u d-direttur ewlieni tal-konsorzju tal-Electrogas, kien preferut sabiex jingħata f’idejh il-proġett tal-power station il-ġdida. L-NGO ikkwotat ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-kuntratt.

Repubblika nnutat li l-arloġġ li kien ingħata lil Muscat irid jidher fil-kuntest li l-Kap tal-Gvern kien ġie mistoqsi jiggarantixxi self u kien approva din it-talba. Hu kien awtorizza s-somma inizjali ta’ €88 miljun, li mbagħad, fit-28 ta’ Mejju tal-2015 kienet żdiedet bi €22 miljun oħra. “Dan jammonta għal indikazzjoni ta’ att kriminali,” qalet Repubblika permezz tal-avukat tagħha.

L-NGO kompliet billi ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissarju għall-Pulizija u qalet li l-arloġġ għandu fuqu n-numru 17, l-istess numru li jidher fl-isem tal-kumpanija sigrieta f’Dubaj.

“Fid-dawl ta’ dan, il-klijenta tiegħi qed tiddenunzja lil Joseph Muscat, Prim Ministru ta’ Malta, għad-delitt ta’ tixħim taħt l-artiklu 115(1)(b) u 115(1)(c) tal-Kodiċi Kriminali, korruzzjoni taħt l-artiklu 118 tal-Kodiċi Kriminali u tad-delitt ta’ interess privat f’aġġudikazzjoni pubblika taħt l-artikli 124 u 125 tal-istess Kodiċi”.

Intant, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo talab lill-Kummissarju għall-Istandard tal-Ħajja Pubblika sabiex jinvestiga r-rigal.