Repubblika tippreżenta manifest għal “repubblika ġdida”

Repubblika

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Repubblika kellha l-laqgħa ġenerali straordinarja nhar is-Sibt filgħodu, li waqtha ddiskutiet il-manifest tagħha għal “repubblika ġdida.”

L-NGO li twaqqfet wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia organizzat il-protesti ta’ kontra l-korruzzjoni u anke l-vġili ta’ kull xahar li kienu jitolbu għall-ġustizzja fil-qtil tal-ġurnalista.

Repubblika ppubblikat proposti dettaljati dwar l-etika fil-ħajja pubblika, it-tisħiħ tal-kostituzzjoni permezz ta’ riforma, it-tibdil għal ekonomija sostenibbli, il-ġustizzja ekwa, l-ambjent, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali.

“Il-partiti politiċi mhumiex jipprovdu tmexxija”

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, il-ġurnalist, bloger u attivist ta’ Repubblika, Manuel Delia, osserva li l-aħħar sitt ġimgħat kissru l-mit li l-Maltin jimxu biss wara l-partiti politiċi u li ma jinteressahom minn xejn ħlief buthom. Żied jgħid li l-aħħar ġimgħat urew li s-soċjetà ċivili Maltija hija ħajja u b’saħħitha.

Waqt il-preżentazzjoni fit-teatru tal-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara, il-membri tal-NGO ntwerew filmat.

Fil-filmat tintwera storja li hi importanti li tintqal skont Delia. Qal li l-Partit Laburista jrid li kulħadd jinsa malajr x’ġara. Insista li l-NGO se tkompli b’xogħolha u mhix se tieqaf mar-riżenja ta’ Muscat. Spjega li l-NGO se tkompli bil-protesti skont kif ikun hemm bżonn.

L-attivist qal li l-partiti politiċi mhux qed jirnexxilhom jipprovdu sens ta’ tmexxija, għalhekk l-attivisti qed jippruvaw jispjegawlhom il-poplu x’jistenna mingħandhom.

Il-ħajja pubblika għandha tkun ibbażata fuq u tkun gwidata mill-prinċipji etiċi

L-NGO qalet li l-ħajja pubblika għandha tkun ibbażata fuq u gwidata mill-prinċipji etiċi. Id-dokument maħruġ mill-NGO jgħid li l-fatt li mġiba mhux etika mhix ikkundannata mil-liġi mhuwiex skuża biex ma jkunx hemm imġiba etika fil-ħajja pubblika ta’ nies prominenti. Id-dokument jgħid ukoll li l-preżunzjoni tal-innoċenza f’sens kriminali huwa differenti mill-obbligu ta’ persuni f’ħajja pubblika li jkollhom imġiba eżemplari.

Repubblika elenkat is-seba’ prinċipji għal kondotta xierqa fil-ħajja pubblika, kif proposti mill-Imħallef Emeritu u l-ewwel chairman tal-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Lord Nolan. Dawn huma l-altruwiżmu, l-integrità, l-oġġettività, il-kontabbiltà, il-ftuħ, l-onestà u s-sens ta’ tmexxija.

Dwar is-sitwazzjoni f’Malta, l-NGO qalet li l-ħajja pubblika f’Malta hija mittiekla b’nuqqas ta’ fiduċja. Żiedet tgħid li nies fil-ħajja pubblika jkollhom id-dover li jkunu ta’ eżempju għall-komunità kollha, u li għandhom iġorru r-responsabbiltà ta’ mġiba mhux etika. Dan għandu jwassal, qalet l-NGO, lill-persuna biex tissospendi lilha nfisha jew tirreżenja.

L-NGO żiedet tgħid li l-aħħar ġrajjiet f’Malta wrew li persuni fil-ħajja pubblika jemmnu li sakemm jiġu kkundannati mill-Qorti, jistgħu jibqgħu jokkupaw il-pożizzjoni pubblika tagħhom.

Dwar il-Kostituzzjoni

L-għaqda hi tal-fehma li wasal iż-żmien li l-Kostituzzjoni tkun eżaminata, u li trid tiġi emendata u mhux mibdula. Issuġġerew li l-proposti għat-tibdiliet ma jkunux qishom pakkett imma jkunu maqsumin f’temi. Repubblika nnutat ukoll li jeħtieġ li jkun hawn riflessjoni fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, jiġifieri tal-Uffiċċju tal-President, tal-Parlament, tal-Eżekuttiv, tas-Servizz Pubbliku, tal-qrati, tal-Pulizija, tal-Forzi Armati u tal-Awtoritajiet Regulatorji.

Il-proposti kollha tista’ taqrahom hawn.