Repubblika tinsisti li l-Gvern m’għandux iħalli bejgħ ta’ ishma fl-Electrogas

L-għaqda Repubblika toġġezzjona bil-qawwa għall-pjan tal-Gasan Group biex ibigħ l-ishma li għandu fl-Electrogas, partikolarment la allegatement qed jippretendi li l-poplu Malti jixtri dawn l-ishma “fil-kumpanija li rebħet kuntratt b’mod korrott.”

Il-Gasan Group ikkonferma li qed jikkunsidra jbigħ l-ishma lill-Gvern f’kummenti li ta’ lil Newsbook.com.mt nhar il-Ħamis.

Però Repubblika fakkret li:

  • Il-gvern diġà ippermetta li l-ishma tal-azzjonist ewlieni fil-konsorzju Electrogas kif kien oriġinarjment jinxtraw mis-sidien l-oħra meta l-Gasol falliet. Dan kien ta’ żvantaġġ kbir għall-gvern Malti għax il-proġett minflok kien finanzjat għal kollox mill-privat, spiċċa finanzjat b’garanzija bankarja maħruġa mill-gvern Malti b’riskju kbir għall-ekonomija Maltija. Dan kien att korrott li m’għandux jitħalla jirrepeti ruħu.
  • Fil-każ tal-Vitals, il-gvern diġà ippermetta li entità korrotta privata tiġi ppremjata billi titħalla taħrab bil-flus wara li tbiegħ l-ishma lil ħaddieħor. Imbagħad il-gvern spiċċa swielu agħar għax is-sidien il-ġodda ma jridux jassumu responsabbiltà tal-ħela u l-isparpaljar ta’ dawk li xtraw mingħandhom.
  • Sal-lum għadna ma rajniex il-kuntratt sħiħ mal-Electrogas. L-iskuża uffiċjali hi “kunfidenzjalità kummerċjali” imma m’għandu jkun hemm xejn sigriet bejn il-Maltin u min seraqhom. Għandu jkun magħruf il-ftehim kollu mal-Electrogas biex nifhmu sew x’jista’ jagħmel il-gvern biex ikeċċi lill-Electrogas mingħajr ma jippremjahom talli serquna.
  • Ma nistgħux nafdaw lill-istess nies li taw lill-Electrogas kuntratt li stupra l-interess nazzjonali, issa jinnegozjaw il-ħruġ tal-Electrogas jew xi sidien tagħha. Veru li Konrad Mizzi u Keith Schembri m’għadhomx fil-gvern. Imma dawk li huma ħatru fl-ministeri responsabbli, fl-Enemalta, fl-Awtorità tal-Artijiet, fl-Awtorità tat-Trasport u fl-Awtorità tar-Riżorsi huma l-istess kompliċi fil-konġura mafjuża li ħatfet lil pajjiżna. U fil-Ministeru tal-Finanzi għad hemm l-istess nies li bix-xhieda mogħtija fl-inkjesta, diġà ħaslu jdejhom mill-abbużi li seħħew.

B’hekk l-għaqda tinsisti li l-gvern għandu jsib l-aktar mod vantaġġjuż li bih ixolji l-kuntratt tal-ElectroGas. Jekk il-gvern iħallas lill-Electrogas biex jit ilqu, dan ifisser li jkun qed jingħata ċekk lil min seraqna, skont Repubblika.

“Żgur m’aħniex se naċċettaw li l-ħruġ tal-Electrogas ikun negozjat bl-istess mod bħal ma kien innegozjat id-dħul tagħha: waqt ‘lunches’ bejn is-sidien u l-uffiċjali tal-gvern, fuq kuntratti moħbija, u wara daharna,” żiedet l-għaqda.

Għalhekk insistiet li fl-immedjat, il-gvern għandu:

  • jippubblika il-kuntratt sħiħ mal-Electrogas u d-dokumentazzjoni kollha li juru l-obbligi kollha tal-gvern, tal-entitajiet pubbliċi kollha, u tal-kuntrattur.
  • jiddikjara li mhux se jippermetti t-trasferiment t’ishma fl-Electrogas ħlief bħala parti mill-eżekuzzjoni ta’ xi ftehim mal-gvern li jirregola l-ħruġ tagħhom.
  • jaħtar kumitat t’esperti indipendenti biex jissorveljaw in-negozjati dwar il-ħruġ tal-Electrogas fejn l-entitajiet imsemmijja jkollhom rwol konsultattiv iżda mhux eżekuttiv. Il-kumitat għandu jiffunzjona b’mod miftuħ u taħt skrutinju dirett ta’ kummissjoni parlamentari, l-Awditur Ġenerali u l-pubbliku.

Repubblika insistiet li l-kuntratt tal-Electrogas hu att t’inġustizzja mal-Maltin u l-Għawdxin kollha, u li l-akbar inġustizzja twettqet ma’ Daphne Caruana Galizia, li l-istat ħalliha tinqatel biex is-sidien tal-Electrogas igawdu l-qliegħ li riedu.

“Il-ġustizzja titlob li dawn is-sidien ma jispiċċawx joħorġu minn din l-istorja mingħajr ma jirrispondu ta’ għemilhom u bla ma jerfgħu ir-responsabbiltà ta’ dak li wettqu,” ikkonkludiet l-għaqda.