Repubblika tinsisti li kulħadd għandu dritt jipparteċipa fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali

Sarah Cassar Dymond

L-għaqda Repubblika appellat lill-President George Vella biex jiżgura li jkun hemm konsultazzjoni xierqa fuq ir-riformi li hemm bżonn isiru fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, u li l-ebda għaqda lesta li tipparteċipa ma għandha titħalla barra mill-proċess.

Fl-ittra tagħha, Repubblika ikkritikat proposta li għamel Vella, li jkun hemm lotterija bejn 1,700 għaqda volontarja biex tiddetermina liema 72 għaqda jkunu jistgħu jibagħtu rappreżentant għall-Konvenzjoni Kostitutuzzjonali li għanda ssir fil-ġejjieni.

Fakkret li hemm numru żgħir ta’ għaqdiet li jiffukaw fuq is-saltna tad-dritt, id-demokrazija u fuq kwistjonijiet kostituzzjonali, u li dawn m’għandhomx ikollhom jikkompetu ma kull għaqda volontarja għal post fil-Konvenzjoni. Innutat li l-Kummissjoni ta’ Venezja innifisha kkonsultat ma’ 4 għaqdiet Maltin – #occupyjustice, is-Civil Society Network, Aditus u Repubblika – li kkunsidrat jirrapreżentaw is-soċjetà ċivili Maltija kollha fejn jidħlu kwistjonijiet kostituzzjonali.

Repubblika innutat ukoll li l-proposta ta’ Vella kienet aktar restrittiva mill-mod kif intlaqgħet Assemblea Nazzjonali fl-1918 biex titħejja kostituzzjoni ġdida li tat Malta d-dritt li tiggverna lilha nnifisiha. F’dik l-okkażjoni, kull għaqda kienet mistiedna tagħti l-kontribut tagħha, u 123 għaqda ipparteċipat fil-proċess.

Qalet li l-lotterija tidher li għandha l-intenzjoni biex ixxejjen il-vuċi ta’ dawk li huma attivi fuq is-saltna tad-dritt.

Skont Repubblika, kull għaqda għandha tingħata l-opportunità li tagħti l-kontribut tagħha jekk tixtieq tagħmel dan, mingħajr il-bżonn li tirbaħ lotterija. Aktar minn hekk, kull ċittadin – anke jekk mhux imsieħeb ma xi għaqda – għandu jingħata l-istess opportunità.

“Wara kollox m’għandu jkun hemm l-ebda ħtieġa għal ċittadinanza attiva għajr iċ-ċittadinanza nnifisha, li hi dritt naturali u mhux rigal tal-President, tal-gvern jew saħansitra tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili,” osservat Repubblika.