Repubblika tikkundanna “l-attakk ta’ Tony Zarb fuq il-ġurnalisti”

L-għaqda Repubblika ikkundannat “l-attakk” ta’ Tony Zarb fuq il-ġurnalisti ta’ The Malta Indepenednt.

Fi stqarrija Repubblika qalet li huwa tal-mistħija li l-ġurnalisti jiġu attakkati u mgħajra “terroristi politiċi” għax ikunu qed iwettqu dmirhom meta jistaqsu lil Joseph Muscat dwar għemilu.

“Dan huwa dmirhom bħala ġurnalisti u dritt tagħna bħala ċittadini,” qalet l-għaqda.

Żiedet tgħid li l-azzjoni ta’ Zarb hija aktar inkwetanti meta wieħed jikkunsidra li huwa konsulent tal-Gvern.

Tony Zarb huwa l-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union.

Il-kumment ta’ Zarb fuq Facebook

The Malta Independent qalet li ppruvat iġġib kumment mingħand Muscat dwar laqgħa li kellu ma Steward Healthcare.

Fl-2017 l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier talab għat-tneħħija ta’ Ġieħ ir-Repubblika li kien ingħata l-Eks Segretarju tal-General Workers’ Union Tony Zarb. F’ittra li bagħat lill-President Marie-Louise Coleiro Preca, Dr Borg Olivier irrefera għal dak li ddeskriva bħala “attakk faħxi fuq grupp ta’ nisa li qed jipprotestaw quddiem Kastilja, biex isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.