Repubblika tgħid li l-Imħallef Grixti kiser l-obbligi tiegħu

L-għaqda Repubblika lmentat kontra l-Imħallef Giovanni Grixti mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Akkużatu li kiser l-obbligi etiċi u kostituzzjonali tiegħu.

Fl-ilment intqal li l-aġir ta’ Grixti li “joħroġ ċar fid-digriet” tiegħu “jitlef kull rispett għall-proċess ġudizzjarju.”

Intqal li fid-digriet, l-Imħallef qal li l-Maġistrat ma infurmatx lis-suspettati li kien daħal rikors għall-ħruġ ta’ monitoring order.

Reċentament, l-għaqda Repubblika reġgħet talbet għal inkejsta oħra dwar il-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi lill-kumpanija VGH. Dan wara li l-Imħallef Giovanni Grixti ċaħad l-ewwel talba li għamlet l-għaqda. Fi stqarrija Repubblika qalet li tinsab imħassba dwar id-deċiżjoni ta’ Grixti fil-Qorti tal-Appell li ħassar l-ordni tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex tibda inkjesta dwar allegazzjonijiet ta’ kriminalità mwettqa mill-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona, u Konrad Mizzi.

Repubblika: Titlob għal inkjesta dwar il-bejgħ tal-isptarijiet

“Apparti l-fatt illi hu kuntrarju għal kull loġika li min qed jinvestiga hu mistenni li jinforma lis-suspettat dwar l-investigazzjoni.” Intqal li l-Imħallef jippretendi li s-suspettati jiġu nfurmati biex jippreżervaw l-evidenza huma.

“Donnu l-Imħallef qed jokkupa univers parallel, fejn kriminali jmorru huma għand il-Pulizija u jagħtuhom l-indizzji tar-reat li huma suspettati li wettqu, u materjal ieħor. Ma naħsibx li, fil-fatt, l-Imħallef jgħix hemm, u għalhekk din id-diċitura għandha implikazzjonijiet serji.”

Skont l-għaqda, l-Imħallef “donnu jitkaża” għax l-għaqda saret taf li l-Ministri kienu kkwotat mir-rapport finali tal-inkjesta maġisterjali li saret dwar il-kumpanija Egrant.

“Ma jikkummentax, però, l-Imħallef dwar kif il-Ministri setgħu kellhom aċċess għal dan l-istess Rapport.”

Repubblika staqsiet ukoll kif jista’ jkun li ċittadini jkollhom aċċess għal servers, emails u audit trails meta dan suppost huwa xogħol il-Pulizija.

“Hu preċiżament għalhekk illi jkun hemm talba għal investigazzjoni,” qalet Repubblika. L-għaqda lanqas tista’ tifhem kif il-ftuħ ta’ investigazzjoni tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza.

Repubblika qalet ukoll li l-Imħallef ma ddeċidiex l-appell b’urġenza għax ħa “ġimgħat fuq ġimgħat” minflok ftit ġranet. L-ilment ġie ffirmat mill-avukat Andrew Borg Cardona minn BCGL Advocates.